Studenti fl-Iskola f’Ta’ Sannat, fosthom dawk b’diżabbiltà, dalgħodu tqabbdu jġorru s-siġġijiet minħabba xogħolijiet li għaddejjin fil-binja. Ix-xogħolijiet, li qed isiru mill-Gvern permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, normalment isiru f’perjodi twal tal-vaganzi. Madankollu, jidher li f’dan il-każ il-Gvern iddeċieda mod ieħor.
L-Iskola f’Ta’ Sannat hi l-unika waħda f’Għawdex fejn jattendu wkoll tfal b’diżabbiltà. Madankollu, MaltaRightNow.com jinsab infurmat li dawn ukoll tqabbdu jġorru s-siġġijiet minn parti għall-oħra tal-Iskola minħabba x-xogħolijiet li qed isiru.
Dan kollu wassal għal konfużjoni sħiħa fl-Iskola, filwaqt li numru ta’ ġenituri pprotestaw mal-Amministrazzjoni tal-Iskola minħabba l-mod kif ġew trattati uliedhom. Ġenitur li tkellem ma’ MaltaRightNow.com qal li din is-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli, filwaqt li appella lill-Gvern jimxi mas-sens komun u jagħmel kwalunkwe xogħol meħtieġ ta’ manutenzjoni fil-vaganzi biex ma jkunux ta’ detriment għall-istudenti.
//= $special ?>