Il-lokalità ta’ Ħ’Attard, b’Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, fl-aħħar snin rat investiment qawwi mhux biss f’bini ta’ toroq u bankini ġodda, iżda wkoll fi proġetti kbar bi spiża sostanzjali u li komplew isebbħu l-lokalità.
Anke f’din il-lokalità, il-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista għamlu d-differenza għall-ġid tar-residenti.
Dan ħareġ waqt żjara li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel dalgħodu f’Ħ’Attard. Hemm, hu żar uħud mill-proġetti ewlenin li saru fl-aħħar snin.
Fost dawn, hemm il-Housing Estate fiż-żona magħrufa bħala ta’ Santa Katarina, li t-toroq tagħha mhux biss ingħataw wiċċ ġdid b’tarmak, iżda ż-Żona ssebħet ukoll b’numru ta’ pjanti u siġar. Dan kien proġett ewlieni mtella’ mill-Kunsill Lokali, bl-għan li r-residenti jgħixu ħajja aħjar f’żona msebbħa u li permezz ta’ hekk ingħatat valur ogħla.
Proġett ieħor kien Ġnien l-Istazzjon, li jinsab quddiem ir-Residenza tal-Ambaxxatriċi Amerikana, fejn sar investiment qawwi mhux biss biex il-Ġnien ikun mantnut, iżda fuq kollox biex saru faċilitajiet ġodda, inkluż bandli.
Ġnien ieħor li sar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, hu Ġnien Warda qrib l-Iskola Primarja tal-lokalità. Hemm, mhux biss twaħħlu bandli ġodda, iżda wkoll sar outdoor gym.
Taħt dan il-Ġnien instabu fdalijiet storiċi, li wasslu biex il-Kunsill Lokali kellu jinvesti somma ferm akbar minn dik ippjanata biex jippreservahom. Barra minhekk, kien hemm bżonn ukoll li jsir tibdil fil-pjanijiet tal-Kunsill għal dan il-Ġnien ħalli l-fdalijiet li nstabu jiġu inkorporati mal-Ġnien.
Sadanittant, matul iż-żjara tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni sab il-ħin ukoll biex iżur numru ta’ stabbilimenti u ħwienet fil-lokal. Hemm, hu ltaqa’ mhux biss mas-sidien, iżda wkoll tkellem mal-impjegati u anke persuni li kienu qed jixtru.
Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius, kif ukoll Kunsillieri u Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-11 ta’ April li ġej f’Ħ’Attard.
//= $special ?>