Internazzjonali

L-Amerikani saru jiddubitaw fir-Renju Unit bħala alleat militari effettiv

Il-qtugħ fil-baġit tad-difiża tar-Renju Unit wassal biex numru ta’ uffiċjali militari u politiċi tal-Istati Uniti bdew ‘jiddubitaw’ kemm il-Britanniċi fadlilhom il-kapaċità biex ikunu alleati effettivi ta’ Washington fuq il-kamp tal-battalja .

Il-qtugħ inkwistjoni ilhu jkun implimentat mindu l-koalizzjoni attwali taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, ħadet il-poter fl-2010. Intant, is-sitwazzjoni qanqlet tħassib serju dwar kemm ir-Renju Unit jista’ jaqdi l-impenji tiegħu bħala alleat militari importanti fil-konfront tat-theddid għall-Alleanza tal-Punent.

L-Armata, il-qawwiet tal-ajru (RAF) u r-Royal Navy tar-Renju Unit kollha sofrew mill-programmi tal-qtugħ u llum m’għadx għandhom il-kapaċità li jidħlu għat-tip ta’ missjonijiet li hu magħruf għalihom pajjiżhom.

Is-sitwazzjoni hi li l-Ġeneral Raymond Odierno, iċ-Chief of Staff tal-Armata Amerikana li ġġieldet, spalla ma’ spalla, mal-qawwiet Britanniċi f’numru ta’ konflitti (inklużi l-kampanji tal-Iraq u l-Afganistan), sar l-aħħar uffiċjal Amerikan li esprima t-tħassib fil-pubbliku. Odierno qal lill-gazzetta Britannika, The Telegraph, li hu ‘ferm preokkupat’ bl-impatt tal-qtugħ fuq il-kapaċitajiet militari tar-Renju Unit.