Il-Prim Ministru Joseph Muscat ta’ spiss qiegħed jinqabad f’sitwazzjonijiet imbarazzanti li jiddaħħal fihom kapriċċożament minn membri fil-Kabinett tiegħu. Kontroversji bla bżonn għaliex bi ftit sens komun dak li jkun jevita milli jidħol fihom.
Imma jidher li l-kwalità fi ħdan il-Kabinett ta’ Joseph Muscat jew hi skarsa, jew inkella hemm membri li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu għaliex ħadd m’hu kapaċi jgħidilhom biex jieqfu.
Il-każ stupidu ta’ bini ta’ ħajt fin-Nadur biex jingħalaq il-belveder ta’ Triq David Cocco Palmieri hu tipiku ta’ dak li qed ngħid. Mela biex ikun akkomodat canvasser tal-Ministru Anton Refalo, xi ħadd jispiċċa joħroġ għonqu biex jirrevoka biċċa art lis-sidien li kienet ittieħdet snin ilu, u issa dan il-canvasser jitwebbel biex jibni ħajt… l-ewwel pass biex imbagħad jibni u jispekula għaliex mgħotti mill-ħajt u hekk il-belveder igawdih hu biss!
Dawn huma ġennati tal-prima classi. U ma nistax nifhem kif ikun hemm min jidħol f’dawn il-frajjeġ. Xi ħadd għaraf jivvinta li jrid jagħmel ħoss billi litteralment joħloq sitwazzjoni ta’ imbarazzament kbir għall-Gvern.
Joseph Muscat nifhem li għandu problemi biżżejjed ma xix iħabbat wiċċu. Il-kwistjoni tal-Libja fiha nnifisha hi aktar minn biżżejjed. Iżda li mbagħad ikun hemm min joħloqlu dawn il-ġennati… allura ma nistax nifhem.
Lill-Ministru Anton Refalo la qatt kellimtu u anqas biss naf min hu għajr dak li qrajt u smajt dwaru. Privatament għandu storja ta’ suċċess u dak li jippossedi hu konferma ta’ dan. Iżda bħala Ministru jidher li ma tantx jaqta’ sandar! Jew ibati min-nuqqas ta’ melħ jew is-sens komun fih xi drabi hu rari. Għax li jħalli canvasser tiegħu jdaħħlu f’sitwazzjoni bħal din… hi xi ħaġa inaċċettabbli.
‘Il fuq mill-partiġġjaniżmu
Min jidħol fil-politika għandu jidħol f’dan il-kamp b’impenn li jservi u mhux jisserva, li jaqdi u mhux jinqeda… li f’dak kollu li jagħmel ikun ġenwin u serju.
Il-Kunsilli Lokali huma mezz fejn wieħed, waqt li jiżviluppa l-ħiliet tiegħu, ikun jista’ jaqdi lil-lokalità fejn jgħix. Iservi bl-aħjar mod possibbli lin-nies tal-istess belt jew raħal fejn jgħix.
Dan għandu jsir billi kull membru f’dawn il-Kunsilli Lokali jagħraf imur ftit lil hinn mill-partiġġjaniżmu. Bla sens li kollox jiddawwar f’politika partiġġjana. Li kollox naraw aħmar jew blu. Flimkien minn kampijiet opposti nistgħu naħdmu għall-veru ġid tal-lokalitajiet tagħna.
Qed ngħid dan filwaqt li f’moħħi għandi l-każ klassiku tal-famuż bini ta’ ħajt fi Triq David Cocco Palmieri fin-Nadur li se jgħatti l-belveder.
Irrispettivament minn aħmar jew blu, għax dak li hu ħażin u bla sens jibqa’ dejjem ħażin u bla sens, ma nifhimx kif il-Kunsillieri kollha ma jkunux kapaċi jitilgħu tarġa u flimkien jiġbdu ħabel wieħed u jsostnu li l-ewwel veru ġid għalihom hu dak tal-lokalità u tan-nies b’mod inġenerali tal-lokal.
Jien la jien Għawdxi u wisq inqas min-Nadur jew għandi xi proprjetà f’din il-lokalità. Jiġifieri dak li qed ngħid, qed ngħidu għaliex verament nemmen li ħadd m’għandu jagħlaq għajnejh biex xi canvasser jagħmel sfreġju fl-ambjent ta’ madwrna. Hu fejn hu. Il-ġid tal-lokalitajiet tagħna għandna nitrattawh bħala akbar minn kull avvanz egoistiku ta’ xi persuna jew oħra… ġejja minn fejn ġejja!
//= $special ?>