Il-Ministri tal-Gvern ta’ Muscat qed ikomplu jirrifjutaw li jagħtu l-informazzjoni mitluba fil-Parlament mill-Oppożizzjoni dwar il-ħatriet li qed isiru fid-diversi Ministeri f’karigi li l-istess ministri qed isejħu bħala “persons of trust”.
Diversi deputati tal-Oppożizzjoni ilhom iressqu mistoqsijiet lill-Ministri biex jispjegaw u jagħtu informazzjoni dwar dawn il-ħatriet, bl-aħħar grupp ta’ mistoqsijiet saru dan l-aħħar mid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji Żgħar, Manifattura, Kumemrċ, Self-Employed u Koperattivi.
Robert Arrigo staqsa lill-Ministri tal-Gvern jgħidu kemm hemm impjegati fil-Ministeri u d-dekasteri tagħhom bħala persons of trust, min huma u x’pożizzjonijiet għandhom. Talab ukoll lill-Ministri jgħidu s-salarji li għandhom, il-perkaċċi li jinkludu bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera.
Il-ministri ntalbu wkoll jgħidu xi spejjeż għamlu dawn l-impjegati fil-ministeri, fuq safar, u x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust.
It-tweġiba tal-Gvern u tal-ministri tiegħu qed tkun li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, jew li risposta tingħata f’seduta oħra.
Hu evidenti li l-Ministri tal-Gvern qed jevitaw li jirrispondu dawn il-mistoqsijiet, bil-Ministru Edward Zammit Lewis diġà ddikjara fil-Parlmaent fil-ħin tal-mistoqsijiet, li mhux lest jagħti l-informazzjoni mitluba meta dan ħatar dak li kien iċ-Chief of Staff tiegħu f’kariga fl-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA) f’kariga li ssejħet ukoll ta’ “position of trust“.
//= $special ?>