Minkejja li ndaħal hu personalment fin-negozjati fl-iskandlu tal-Café Premier, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jgħid li ma jafx jekk sarux donazzjonijiet mis-sidien tal-Café Premier lill-Partit Laburista jew lil xi ħadd mill-membri tal-Kabinett. Muscat qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti fil-kwartieri tal-Maltapost f’Ħal Qormi.
Joseph Muscat ammetta wkoll li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali ltaqa’ darbtejn ma’ Mario Camilleri, wiehed mid-Diretturi ta’ Cities Entertainment li kienet tmexxi l-Café Premier fil-Belt. Mistoqsi dwar x’kien diskuss ma’ Camilleri f’dawn il-laqghat, il-Prim Ministru wieġeb li ma kienx se jiżvela l-kontenut tal-laqgħat, iżda saħaq li ma kienux dwar il-Café Premier. Dan minkejja li mill-għada tal-elezzjoni ġenerali, Café Premier għalaq il-bibien tiegħu.
Dwar il-fatt li ma kienx qed juża’ l-email uffiċjali tiegħu f’din il-korrispondenza dwar Café Premier, li fiha awtorizza l-ħlas ta’ €4.2 miljun minn fondi pubbliċi, Muscat qal li juża’ biss email wieħed. Mistoqsi dwar min se jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dan l-iskandlu, Muscat qal li r-responsabbiltà ntrefgħet għax ingħatat koperazzjoni sħiħa lill-Awditur Ġenerali.
//= $special ?>