“Binti, u tfajliet oħra taħt l-età li d-DJ Joel Caruana poġġa fuq posters biex jirriklama l-parties tiegħu qatt ma tawh permess jagħmel dan.”
Kliem omm ta’ tfajla li mingħajr ma taf, spiċċat fuq wieħed mill-posters ta’ party organizzat minn dan id-DJ żagħżugħ. Kompliet li r-ritratt ta’ bintha ttieħed minn fuq Facebook mingħajr qatt ma ntalbet permess.
Dan imur kontra stqarrija li ħareġ l-istess Joel Caruana, li fuq Facebook qal li t-tfajliet li jidhru fuq dan il-poster aċċettaw li jidhru.
L-istess omm qaltilna li ankè li kieku bintha tat permess lil Joel biex juża ritratt tagħha, ladarba bintha għadha taħt l-età xorta waħda ried il-permess tal-ġenituri. Qaltilna li la lilha u lanqas lir-raġel tagħha, Joel qatt ma talabhom permess.
L-omm qaltilna li rrappurtatu lill-Pulizija mis-sezzjoni tas-Cyber Crime Unit, li rreferewha għand il-Kummissarju tat-Tfal, u se tagħmel rapport ukoll lill-Uffiċċjali tal-Protezzjoni tad-Data.
Attendenza fqira ħafna għall-Grand Opening
Sadanittant ritratti li waslu għand dan is-sit juru kif dak li kellu jkun il-Grand Opening tal-party #GirlsInvasion fi stabbiliment f’Paceville kellu attendenza miżera.
Dan fid-dawl tal-kontroversji tal-aħħar jiem, bi tfajla taħt l-età saħansitra takkuża lil Joel li pprova jkollu x’jaqsam magħha kontra r-rieda tagħha.
Min għadda dawn ir-ritratti spjega li dawn ittieħdu fil-ħdax ta’ filgħaxija, f’ħin meta normalment stabbilimenti tad-divertiment f’Paceville jkunu ffullati.
Dan is-sit hu nfurmat ukoll li f’xi ħinijiet fl-istabbiliment daħlu uffiċjali tal-Pulizija biex jiċċekkjaw is-sitwazzjoni, filwaqt li s-Supretendent li s-Sibt filgħaxija kien responsabbli miż-żona ta’ San Ġiljan kien avżat iżomm taħt għajnejh dan l-istabbiliment.
Barra minn hekk is-sidien tal-istabbiliment fejn sar dan il-party assiguraw li l-ebda persuna taħt l-età ma’ tidħol fl-istabbiliment, kif ukoll li ħadd minn dawk preżenti ma jpejjep ġewwa.
//= $special ?>