Lokali Saħħa

Pazjenti fi stat ħażin ta’ saħħa qed jiġu trasferiti b’mod “kattiv” lejn San Vinċenz de Paule

Numru ta’ pazjenti anzjani li ġew trasferiti lejn ir-Residenza San Vinċenz de Paule tant kienu fi stat ħażin ta’ saħħa li mietu ftit wara l-wasla tagħhom fir-Residenza. Hekk żvelat il-gazzetta The Malta Independent on Sunday, fi storja li nkludiet ukoll dettalji dwar l-aħħar każ, li seħħ ġimgħa ilu.

Dakinhar, għaxar pazjenti ttieħdu mill-Isptarijiet Mater Dei u Karen Grech lejn San Vinċenz de Paule, b’żewġ pazjenti partikolari jmutu saħansitra anqas minn 24 siegħa wara t-trasferiment. Sors li tkellem ma’ The Malta Independent on Sunday saħaq li minkejja li kien ċar li l-pazjenti in kwistjoni kien għad fadlilhom biss ftit sigħat ħajja, dawn xorta ntbagħtu San Vinċenz, bi ksur sfaċċat tad-dinjità tal-persuna. L-istess sors iddeskriva dan l-aġir bħala wieħed “kattiv”.

Jidher li l-ħsieb wara dan kollu hu li l-anzjani m’għandhomx bżonn kura medika. Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana rrifjutat li twieġeb il-mistoqsijiet li ntbagħtu lilha. Caruana ma weġbitx għaliex saru t-trasferimenti u jekk kienitx se tintervjeni biex dan l-aġir jieqaf. Is-Segretarjat Parlamentari li tmexxi hi spjega biss il-proċess formali ta’ kif isir it-trasferiment.

Minkejja kull attentat biex jiġu mwieġba l-mistoqsijiet oriġinali mressqa lil Justyne Caruana, din baqgħet ma tat l-ebda risposta.