Futbol Sport

QPR iħabbru telf ta’ £9.8 m

Ir-rapport finanzjarju ta’ QPR jindika li l-klabb għamel telf ta’ £9.8 miljuni għas-sena finanzjarja li ntemmet f’Mejju tal-2014.

Wara r-relegazzjoni mill-Premier fl-istaġun 2012-13, il-klabb minn Loftus Road irritorna fil-Premier b’mod immedjat permezz tal-play-offs l-istaġun li għadda, imma jinsab biss punt fuq iz-zona relegation quddiem Burnley u Aston Villa bid-differenza ta’ gowls.

Ir-rekords tal-klabb juru telf ta’ kważi £10 miljuni għalkemm in-nefqa kienet drastikament inqas u tħallsu b’kemm jiswew £60 miljuni f’dejn.

“In-nefqa tal-klabb tnaqqset bi £22 miljuni, l-aktar bi spejjeż tal-plejers u din se tkompli fis-snin li ġejjin hekk kif il-klabb se jkompli jnaqqas it-telf tiegħu,” qal il-klabb fi stqarrija.

“Barra dan l-imsieħba ikkonfermaw l-impenn tagħhom fit-tul lejn il-klabb billi saħħew il-bilanċ tal-klabb fejn qtajna £60 miljuni self mingħand l-imsieħba. Għalhekk id-diretturi u l-imsieħba tal-klabb huma tal-opinjoni li mexjin fit-triq it-tajba u f’linja mal-pjani fit-tul li fassalna. M’hemmx dubju li l-każ tar-relegazzjoni u l-promozzjoni għandu impatt mertjali fuq perjodu qasir finanzjarju imma l-imsieħba jinsabu komdi li l-futur hu pożittiv bid-dħul mill-Premier jikber u l-ispejjeż tal-klabb jonqsu.”