Somalu li l-Ħadd filgħaxija nqabad jipprova jisraq minn residenza fi Triq Zerafa fil-Marsa ħoloq allarm wara li ta isem ta’ resident tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin minflok ismu propja.
Kollox beda meta Surġent mis-Sezzjoni tat-Traffiku nnota lir-raġel jipprova jidħol fir-residenza ta’ anzjani li jgħixu fir-Residenza San Vinċenz de Paule. kif induna bil-Pulizija, is-Somalu telaq l-għodda li kien qed juża biex jipprova jiżgassa l-bieb ta’ barra u ħarab mill-post.
Is-Somalu, Mustafa Mohamud Mohamed ta’ 26 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, inqabad ftit wara fuq karozza tal-linja.
Minn informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, malli nqabad dan ir-raġel ħoloq mumenti ta’ allarm mhux ħażin.
Dan għaliex meta ntalab jagħti ismu waqt l-interrogazzjoni, ir-raġel ta isem ta’ persuna li qed tiskonta sentenza fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
Dan qanqal mumenti ta’ paniku hekk kif sar magħruf li r-raġel li kien taħt il-kustodja tal-Pulizija, kien iżur lill-priġunier li ssemma’ fl-interrogazzjoni.
Filfatt kien hemm biża’ li b’xi mod sar skambju fil-Ħabs tal-Kordin u li l-Pulizija kellhom f’idejhom mhux sempliċiment persuna suspettata f’attentat ta’ serqa iżda priġunier maħrub.
Fil-pront diversi Pulizija dehru fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin biex jaċċertaw ruħhom kemm dwar l-identita’ tal-priġunier f’Kordin kif ukoll tal-persuna suspettata ta’ attentat ta’ serqa fil-Marsa.
Mustafa Mohamud Mohamed tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella u ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, inkluż li kiser żewġ sentenzi sospiżi fuq ħsara fi propjeta u pussess ta’ kannabis f’Awwissu u Ottubru tas-sena li għaddiet.
Hu ngħata sentenza effettiva ta’ sitt xhur b’rabta mal-attentat serqa tal-bieraħ, sitt xhur oħra b’rabta mal-każ ta’ ħsara fuq propjeta’ li għamel is-sena li għaddiet u multa ta’ €466 talli kiser is-sentenza sospiża b’rabta mal-pussess tal-kannabis.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Edel Mary Camilleri u Robert Vella, waqt li l-avukat Martin Fenech deher għall-akkużat.
//= $special ?>