L-Ispeaker jappella għal kunsens bejn Gvern u Oppożizzjoni
L-Ispeaker Anġlu Farrugia sejjaħ bħala pożizzjoni mhix feliċi li jinsab fih il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li qed jiskrutinja l-kuntratt bi klawsoli moħbija tal-kuntratt iffirmat ma’ Henley & Partners dwar l-amministrazzjoni tal-bejgħ tal-passaport u ċ-ċittadinanza Maltija, u appella għal kunsens bejn Gvern u Oppożizzjoni.
Fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat, iċ-Chairman tal-Kumitat Tonio Fenech ikkonkluda fi tmiem il-laqgħa wara nuqqas ta’ qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni, li kien se jitlob direzzjoni biex jattwa r-ruling li kien ta l-Ispeaker fis-seduta tad-19 ta’ Mejju 2014, li jgħid li minkejja l-kawża li hemm fil-Qorti, il-Kumitat għandu l-poter hu jekk għandux jippubblika l-kuntratt jew le, u f’każ li l-kuntratt għandu jiġi ppubblikat quddiemu, għandu jissalvagwardja b’kawtela neċessarji dawk il-klawsol li huma xierqa li ma jiġux ippubblikati.
L-Oppożizzjoni kienet ressqet diversi proposti lill-Gvern biex ikun hemm qbil dwar proċess b’rabta ma’ klawsoli li m’għandhomx jiġu ppubblikati fil-kuntratt minħabba li jkunu sensittivi u li jissalvagwardjaw is-sigurtà ta’ pajjiżna.
Is-sedja ħadet nota wkoll tad-dibattitu li sar fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat biex l-Ispeaker jinterpreta hu r-ruling stess li kien ta. L-Ispeaker innota wkoll dwar il-qbil li kien hemm biex, jew il-Ministru jew rappreżentant ta’ Identity Malta jispjegaw dwar il-kawsoli li kienu mgħottija.
Fl-aħħħar laqgħa tal-Kumitat, din l-ispjegazzjoni ma kinitx ingħatat fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.
Innota wkoll is-suġġerimenti li ressqet l-Oppożizzjoni biex jintlaħaq kunsens, fosthom dik li ċ-Chairman flimkien mal-Gvern jiddiskutu l-klawsoli mhux ippubblikati u jkun eżaminat jekk il-klawsoli mhux ippubblikati, humiex ġustifikati li ma jkunux ippubblikati, bil-pożizzjoni tal-Gvern tissuġġerixxa li jkun l-Ispeaker li jagħti direzzjoni fuq l-interpretazzjoni tal-Ispeaker u jagħti hu direzzjoni.
L-Ispeaker fisser li ladarba kien il-Gvern li ressaq il-kuntratt kif tressaq b’numru ta’ klawsoli mblukkati quddiem il-Kumitat, u ma kienx hemm qbil fil-Kumitat li dan għandu jitressaq fl-intier tiegħu, ma tistax tiskatta l-proċedura stabbilita li jkun iċ-Chairman tal-Kumitat li jieħu s-salvagwardji neċessarji biex ma jiġux ippubblikati klawsoli sensittivi li ma jkunx fl-interess nazzjonali li jkunu ppubblikati.
//= $special ?>