Lokali

Sussidju ta’ 50% fuq il-kirja tas-sit fejn suppost ġejja l-Power Station il-ġdida tfisser telf ta’ €170,000 għall-Enemalta

Il-Konsorzju tal-Electrogas ingħata sussidju ta’ 50% fuq l-ewwel 18-il xahar ta’ kirja tas-sit ta’ Delimara, fejn mistennija tinbena l-Power Station. Dan se jkun ifisser li l-kumpanija Enemalta se tkun qed titlef madwar €170,000 f’kera matul l-ewwel xhur tal-kirja.

Dan kien żvelat mill-gazzetta The Malta Independent on Sunday, li spjegat kif il-kuntratt tal-kirja kien iffirmat fis-16 ta’ Diċembru 2014, jiġifieri tliet xhur biss qabel Marzu 2015 meta suppost kellha tkun lesta l-Power Station il-ġdida.

Il-gazzetta fakkret li jumejn biss qabel ma kien iffirmat il-kuntratt tal-kirja, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi marru fuq żjara li nżammet mistura fl-Azerbaijan, fejn kien iffirmat Memorandum ta’ Ftehim dwar l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass.

L-Azerbaijan jifforma parti mill-Konsorzju Electrogas, permezz tal-kumpanija Socar, li hi propjetà tal-Istat fl-Azerbaijan. Il-Konsorzju jinsab mifni bi problemi finanzjarji, partikolarment minħabba s-sieħeb ewlieni Gasol.

Il-kuntratt tal-kirja, mifruxa fuq 22 sena, għadda f’idejn The Malta Independent wara talba tal-gazzetta skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Madankollu, il-Gvern irrifjuta talba mill-istess gazzetta biex tikseb il-kuntratt bejn il-Gvern u Shangai Electric.