Edukazzjoni Lokali Parlament

Tliet persuni diġà okkupaw il-kariga ta’ Chief of Staff mal-Ministru Bartolo

Il-kariga ta’ Chief of Staff fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol kienet okkupata diġà minn tliet persuni differenti mill-elezzjoni ta’ sentejn ilu ‘l hawn.

Fil-Parlament, il-Ministru Evarist Bartolo kien mitlub mid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja, jgħid min kienu ċ-Chief of Staff li kellu fis-Segretarjat tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum; x’kienet ir-raġuni għar-riżenja tagħhom minn din il-kariga; u jgħid x’inhi l-kariga u grad li għandhom illum mas-settur pubbliku.

Mill-informazzjoni li ta l-Ministru Bartolo, jirriżulta li ċ-Chief of Staff fis-segretarjat tiegħu llum hu David Caruana, li sa ftit ilu kellu l-grad ta’ Kap ta’ Skola.

Qablu bħala Chief of Staff kien hemm Joe Caruana li iżda ma baqax f’din il-kariga wara li nħatar Segretarju Permanenti. Qabel, kien hemm persuna oħra li kienet designated bħala Chief of Staff li iżda l-letter of appointment tagħha baqgħet qatt ma nħarġet.

Il-Ministru Bartolo ma tax l-informazzjoni mitluba dwar ir-raġunijiet għar-riżenji u x’karigi qed jokkupaw illum fis-settur pubbliku.