Il-memo li ttellgħet quddiem il-Kabinett tal-Ministri biex fuqha ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-iskandlu tal-Café Premier ma kinitx tinkludi l-informazzjoni neċessarja u kollha dwar il-każ. Dan l-aħħar dettal dwar l-iskandlu tal-Café Premier kien żvelat waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u d-Demkorazija Jason Azzopardi u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura Ryan Callus.
Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru qed jigdeb meta jgħid li dan il-każ kien żball. Dan għaliex fil-fatt dan kien każ premeditat u maħsub minn qabel. Sostna li d-dikjarazzjonijiet li qed jagħmel issa l-Prim Ministru huma intiżi biss biex jipprovaw jaħbu skandlu kbir. Filwaqt li ta d-dettalji tal-laqgħat li saru qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali bejn id-Direttur tal-Café Premier u Muscat, ix-Shadow Minister sostna li l-Prim Ministru ħa l-inizjattiva biex jidħol hu personlament fil-laqgħat ħalli jkun finalizzat dan l-arranġament.
Jason Azzopardi sostna li l-Prim Ministru kien saħansitra juża’ l-email privat tiegħu biex jikkomunika dwar dan il-każ ħalli b’hekk ma jkunx hemm traċċi. Jirriżulta wkoll li l-Prim Ministru rrifjuta offerta mingħand is-settur privat għall-Café Premier. Dan, sostna Azzopardi, iqanqal mistoqsijiet u suspetti wara l-iskopijiet tal-Prim Ministru f’dan l-arranġament.
Ix-Shadow Minister qal li l-memo ppreżentat lill-Kabinett kien wieħed stramb ukoll għax tressaq mis-Segretarjru tal-Kabinett u mhux mill-Ministru. Dan meta huma l-Ministri li jressqu l-memos għad-diskussjoni fil-kabinett. Minbarra dan, l-Awditur Ġenerali tertaq ir-raġunijiet miġjuba fl-email u wera kemm il-Gvern ma kellux raġun jikkonkludi dan l-arranġemant.
Dwar l-allegazzjoni tal-Gvern li kien hemm xi periklu għal-Librerija Nazzjonali, Jason Azzopardi qal li mill-investigazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ma jirriżultax li kien hemm periklu, tant li l-Awditur Ġenerali ma sab l-ebda ċilindri tal-gass fil-post. Fuq kollox, għal aktar minn sena u nofs dan il-post fiċ-ċentru tal-Belt tħalla magħluq.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus qal li l-Prim Ministru għandu jġorr responsabbiltà politika fil-każ. Hu kkritika lill-Prim Ministru li s’issa qed jgħid li diġà refa’ r-responsabbiltà għax sar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Iżda dan mhux il-każ, sostna Ryan Callus, li kompla li fil-fatt kienet l-Oppożizzjoni li talbet l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali u mhux il-Gvern.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dan hu l-istess Prim Ministru li rebaħ l-elezzjoni ġenerali bl-għajta li se jmexxi gvern kontabbli u trasparenti. Iżda dan tal-Café Premier hu skandlu għax il-Gvern, minn flus il-poplu, spiċċa anke ħallas €2.5 miljun li l-kumpanija kellha ma’ bank lokali. Dan il-każ, sostna Rayn Callus, hu wkoll inġustizzja kbira man-negozji Maltin għax ħadd minnhom ma jingħata dan it-tip ta’ arranġament.
//= $special ?>