Lokali

L-NSO jikkonferma t-tħassib tal-Oppożizzjoni dwar il-flus fil-but u ż-żieda fil-pagi

Iċ-ċifri uffiċċjali ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jikkonfermaw it-tħassib tal-Oppożizzjoni dwar in-nuqqas ta’ flus fil-but għall-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco, u Paula Mifsud Bonnici, Shadow Minister għall-Politika Soċjali, qalu dan fi stqarrija. Sostnew li l-paga minima fil-pajjiż żdiedet b’medja ta’ €2 fix-xahar fl-2014 waqt li bħala medja, il-paga minima fil-pajjiż bejn l-2008 u l-2014 żdiedet bi €17-il fix-xahar.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni qalu li dan ifisser li madwar 10,000 persuna li jaqilgħu l-paga minima raw tnaqqis sostanzjali fid-dħul tagħhom fl-aħħar sena. Dan għaliex, sostna l-PN, minbarra ż-żieda minima kif wera l-NSO, il-Gvern daħħal jew żied numru ta’ taxxi u miżati fosthom fuq l-akkomodazzjoni, l-eżamijiet tal-MATSEC, it-telefons ċellulari, l-assikurazzjoni, il-liċenzji tal-karozza, tariffi tal-Qorti u spejjeż oħra.

L-Oppożizzjoni sostniet li dan apparti l-fatt li l-familji Maltin, inkluż dawk bi dħul baxx, ilhom iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għad-diesel u l-petrol fl-Ewropa.

Il-PN saħaq li minflok jeqred il-faqar fil-pajjiż kif wiegħed il-Gvern, il-miżuri li qed jieħu qed ikomplu jnaqqsu l-flus fil-but u jqiegħdu lin-nies f’riskju ikbar ta’ faqar.

Mario de Marco u Paula Mifsud Bonnici qalu li t-tkabbir fl-ekonomija, li huma jilqgħu, mhux neċessarjament qed jirrifletti f’żieda fil-pagi u fi flus fil-but u li l-aħbar mill-NSO tirrifletti t-tħassib li qajmu numru ta’ unjins fl-aħħar ġimgħat, li l-pagi mhux qed jogħlew biżżejjed.

Il-PN qal li jingħaqad ma’ korpi kostitwiti li diġà tkellmu dwar is-suġġett u appella lill-Gvern biex jindirizza din ir-realtà biex jassigura li l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin titjieb.