Kurżitajiet

Appell mill-Bank Ċentrali Kanadiż biex ma jibqgħux ipinġu lil “Mr Spock” fuq il-karti tal-flus

Appell mhux tas-soltu mill-Bank Ċentrali Kanadiż sabiex il-pubbliku ma jibqax ipinġu lil “Mr Spock” – karattru famuż tas-serje televiżiva “Star Trek” fuq il-karta ta’ $5 Kanadiżi.

Il-persuna sfortunata li tidher fuq din il-karta tal-flus u li tispiċċa mibdula f'”Mr Spock” hi Wilfrid Laurier, l-ewwel Prim Ministru tal-Kanada li jitkellem bil-Franċiż.

Segwaċi tas-sensiela ta’ fantaxjenza tas-snin sittin ilhom jittrasformaw lil Laurier f'”Mr Spock” għal diversi snin iżda l-użanza żdiedet drastikament f’dawn l-aħħar jiem hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Leonard Nimoy; l-attur li kien jinterpreta l-karattru ta’ Spock li l-widnejn u x-xagħar tal-għajnejn ġejjin għall-ponta u s-stil tax-xagħar partikolari għamluh fost l-iktar karattri magħrufa matul is-snin.

Kelliema għall-Bank Ċentrali Kanadiż qalet li filwaqt li mhux illegali, hi ħeġġet biex in-nies ma jibqgħux iħażżu fuq il-karti tal-flus.

RITRATT: Simon Williams