Sewwieqa fi New Zealand qed jieħdu l-liġi b’idejhom meta jaraw lil sewwieqa oħra jsuqu b’mod perikoluż, billi jirrapportawhom u jikkonfiskawlhom iċ-ċavetta tal-karozza.
Il-Pulizija qed titlob lill-pubbliku biex ma jibqgħux jieħdu l-liġi b’idejhom. Il-ġurnal New Zealand Herald qal li fil-parti l-kbira tad-drabi, huma t-turisti li qed jispiċċaw biċ-ċavetta ikkonfiskata. Fl-aħħar xhur kien hemm numru ta’ inċidenti fatali li fihom kienu nvoluti barranin, u li wasslu għal ċerta rabja fost in-nies tal-post.
Il-Pulizija qed tħeġġeġ liċ-ċittadini ta’ New Zealand biex jekk jaraw ċirkustanzi ta’ sewqan perikoluż, jirrappurtaw il-każ u jistennew lilha tasal. Qed tinsisti li l-konfiska ta’ ċwievet għandha tkun l-aħħar soluzzjoni, bħal f’każ ta’ atteġġjament estremament perikoluż.
Fi Frar, familja Ċiniża li kienet għal vakanza fi New Zealand spiċċat biċ-ċwievet tagħha f’idejn sewwieq ieħor wara li kienet qed issuq in-naħa l-ħażina tat-triq. Iċ-ċwievet imbagħad ġew impustati fil-kaxxa tal-ittri fil-bieb tal-għassa tal-Pulizija. Il-kumpanija tal-kiri tal-karozzi irtiratilhom il-kuntratt u ċ-Ċiniżi spiċċaw kellhom jikru ajruplan biex ikomplu bil-vjaġġ tagħhom.
Għalkemm ir-residenti ta’ New Zealand għamlu petizzjoni biex turisti jiġu mġegħla jagħmlu test qabel jingħataw karozza tal-kiri, u ġabru 36,000 firma, l-assoċjazzjoni tal-karozzi ma taqbilx waqt li qed issostni li l-parti l-kbira tat-turisti jsuqu skont il-liġi u b’mod sikur.
//= $special ?>