Internazzjonali

Ikomplu t-titjiriet misterjużi tad-drones fuq Pariġi

Għaxar drones oħra dehru jittajru fuq iċ-ċentru ta’ Pariġi, din id-darba qrib it-Torri Eiffel u f’inħawi oħra.

Rapporti minn Pariġi qalu li l-Pulizija Franċiża qed tfittex erbat irġiel wara li kienet qed tipprova ssegwi xi drones bil-karozzi, imma jidher li dawn inġabru mill-irġiel li ħarbu f’karozza fl-inħawi ta’ Porte de Vincennes.

Is-sigurtà fil-belt kapitali Franċiża żdiedet din is-sena wara l-attakki f’Jannar li ħallew 17-il persuna mejta. Imma minn Ottubru s’issa, dehru jittajru almenu 60 drone fuq installazzjonijiet nukleari u fuq inħawi fiċ-ċentru ta’ Pariġi. Ħafna qed jorbtu ż-żieda fid-drones innutati, għaż-żieda fil-preżenza tal-Pulizija Franċiża fit-toroq.

Li wieħed itajjar drones fuq Pariġi hu illegali sakemm ma jkunx ingħata permess speċjali waqt li titjiriet bil-lejl huma pprojbiti għal kollox.

F’Jannar li għadda kien hemm drones li dehru jittajru fuq il-Palazz Elysees, li hu r-residenza tal-President Franċiż, waqt li ntlemħu oħrajn jittajru qrib l-ambaxxata Amerikana.

S’issa għadu mhux magħruf min kien wara dawn l-ispiji fl-ajru u ħadd s’issa għadu m’ammetta l-involviment tiegħu.