Il-Ministru Carmelo Abela ma jafx jekk il-Ministru Joe Mizzi hux imsiefer fuq xogħol tal-Gvern minkejja li kien qed jitkellem u jwieġeb f’ismu fil-Parlament
Il-Gvern fil-Parlament iddefenda d-deċiżjoni tal-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi li ma jżommx mal-kelma li ta meta kellu jippubblika fil-Parlament il-kuntratt mal-kumpanija ġdida li qed tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku u jibqa’ jirreżisti li jippubblika l-kuntratt kif kien wiegħed li se jagħmel fil-bidu ta’ Jannar.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, insistiet mal-Gvern illejla fil-Parlament, biex jispjega għalfejn ir-reżistenza li qed juri l-Gvern biex ma jippubblikax il-kuntratt kif kien wiegħed li se jagħmel meta issa għaddew aktar minn xahrejn minn meta wiegħed li se jippubblika l-kuntratt, bil-Gvern ibiddel id-deċiżjoni u jgħid li jipppubblikah wara li ssir kampanja ta’ pubbliċità f’dan ix-xahar ta’ Marzu li ninsabu fih.
Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi, f’mistoqsija li ta bil-miktub lid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, reġa’ ma ta ebda indikazzjoni meta se jippubblika l-kuntratt, u reġa’ irrepeta t-tweġiba li jagħti kull darba lill-Oppożizzjoni, li l-kuntratt iffirmat jitpoġġa “fil-mument opportun”.
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina staqsa lill-Ministru Joe Mizzi jgħid x’kundizzjonijiet u multi applikabbli hemm fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Autobuses de Leon f’każ li l-kumpanija tiddeċiedi li tabbanduna l-kuntratt.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli talbet lill-Gvern jispjega għaliex ma jridx jagħti din l-informazzjoni, u għaliex qed jibqa’ jirreżisti li jippubblika r-rapport. Staqsiet ukoll biex tingħata spjegazzjoni għaliex kien hemm din iċ-change of heart mill-Ministru Joe Mizzi.
Il-Ministru Carmelo Abela li kien qiegħed jirrispondi fil-Parlment fin-nuqqas tal-Ministru Joe Mizzi, li ma kienx preżenti fil-Parlament, iddefenda d-deċiżjoni tal-Ministru Mizzi u qal li l-Ministru Mizzi qed jimpenja ruħu biex ipoġġi l-kuntratt.
Il-Ministru Abela qal li jifhem li ż-żmien meta kellu jitpoġġa issa nbidel, u li hi kwistjoni ta’ meta jkun ippubblikat il-kuntratt.
Marthese Portelli staqsiet lill-Gvern jispjega meta se tibda u tispiċċa l-kampanja li tkellem dwarha l-Ministru Joe Mizzi, u meta hemm il-ħsieb li jippreżenta l-kuntratt fil-Parlament.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li m’għandux l-informazzjoni li qed titlob l-Oppożizzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino staqsa wkoll lill-Ministru Carmelo Abela jgħid jekk id-deċiżjoni li jbiddel iż-żmien ta’ meta jippubblika l-kuntratt – li l-ewwel kien se jitressaq fil-bidu tas-sena u mbagħad tittieħed deċiżjoni li ssir l-ewwel il-kampanja ta’ pubbliċità – kinitx deċiżjoni tal-Kabinett jew tal-Ministru Joe Mizzi waħdu.
Il-Ministru Carmelo Abela wieġeb li dawn mhumiex materji li jiddiskuti l-Kabinett.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli staqsiet lill-Gvern jinforma lill-Parlament jekk il-Ministru Joe Mizzi hux imsiefer fuq xogħol tal-Gvern, bil-Ministru Carmelo Abela ma jkunx jaf iwieġeb minkejja li kien qed jitkellem f’ismu fil-Parlament.
Il-Ministru Carmelo Abela qal ukoll li l-Ministru Mizzi dejjem ikun preżenti, u jifhem li qiegħed imsiefer għalkemm ma jistax jgħid b’ċertezza.
//= $special ?>