Lokali Parlament

Il-Gvern qed jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni fil-Parlament

Il-Parlament u r-rappreżentanti tal-poplu għandhom jiġu megħjuna u mhux imfixkla mill-gvern

Il-Gvern, kontra dak li wiegħed li se jkun gvern miftuħ u trasparenti, qiegħed jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni lill-Parlament u li qed tintalab mill-Oppożizzjoni.

L-Oppożizzjoni appellat lill-Prim Ministru biex ma jkomplix u jieqaf minn din l-attitudni; jippubblika l-informazzjoni li qed tintalab mill-Oppożizzjoni; u jibda l-ewwel billi jippubblika l-lista tal-ismijiet tal-persuni li huma approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Din il-ġimgħa fil-Parlament, il-Prim Ministru rrifjuta li jagħti l-ismijiet ta’ persuni magħżula biex iservu fuq bordijiet għal promozzjonijiet u ħatriet fl-entitajiet pubbliċi.

Fi tweġiba li ta fil-Parlament għal mistoqsija parlamentari, il-Prim Ministru informa lill-Parlament li l-ismijiet jgħaddu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li kienet tapprovahom.

Mistoqsi mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco biex jippubblika l-ismijiet u jwieġeb il-mistoqsija parlamentari li diġà saritlu, il-Prim Ministru ddikjara li l-lista mhix se tkun pubblika.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal din id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista saħaq li dan hu gvern elett sentejn ilu fuq l-għajta tat-trasparenza, il-meritokrazija u t-tmexxija għaqlija.

Fl-interess ta’ dawn l-istess prinċipji li tant tkellem dwarhom il-Prim Ministru fil-kampanja elettorali, il-Gvern m’għandu jkollu ebda biża’ biex jippubblika l-ismijiet bl-istess mod li l-gvern jippubblika l-ismijiet tal-Imħallfin, il-Maġistrati, membri tal-Kumitat tal-Kuntratti, membri tal-Bordijiet tal-Ippjanar u persuni oħrajn magħżula fuq bordijiet tal-gvern.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ombudsman iddikjara li ma jista’ jkun hemm ebda kontabbiltà vera mingħajr trasparenza, u minkejja dan, il-gvern jibqa’ jippersisti fl-istrateġija tiegħu li jżomm u jaħbi l-informazzjoni.

L-Oppożizzjoni saħqet li l-Parlament hi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Hi l-istituzzjoni li żżomm lill-Gvern taħt skrutinju, u li għandha tiġi megħjuna u mhux imfixkla mill-gvern fil-qagħdi u r-rwol importanti tal-Parlament.

Bl-aġir tal-Gvern li jonqos li jipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni, l-Oppożizzjoni kkritikat lill-gvern li bl-aġir tiegħu qiegħed jimpedixxi r-rappreżentanti tal-popli li jaqdu rwol effetttiv.