Il-Union Ħaddiema Magħqudin, f’ittra li kitbet liċ-Chairman John Bencini, esprimiet it-tħassib tagħha dwar kif qed jitmexxa l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku, l-MCESD.
Il-UĦM saħqet li l-livell ta’ djalogu soċjali fi ħdan l-MCESD sar iffukat primarjament fuq dak li hu ta’ prijorità għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru u għad-diversi Ministeri tal-Gvern, tant li kull talba li tidħol mingħandhom tiġi milqugħa b’mod immedjat mingħajr ebda riserva.
Il-UĦM qalet li dan ma jsirx meta talba ssir mill-imsieħba soċjali għax, sostniet, “trid tiġi meqjusa u l-validità u l-importanza tagħha jridu jkunu diskussi”. Il-UĦM qalet li agħar minn hekk, hi ġiet infurmata permezz ta’ korrispondenza mill-istess MCESD, li fil-każ ta’ talbiet għal laqgħat mill-MCESD stess, ikir jkun hemm kunsens tal-imsieħba soċjali membri fil-Kunsill.
Il-UĦM stqarret li hi dejjem emmnet fir-rwol tal-MCESD fid-djalogu soċjali tal-pajjiż iżda fl-istess waqt il-UĦM dejjem kellha l-impressjoni li r-rwol tal-MCESD kien wieħed indipendenti fejn id-djalogu soċjali ma jkunx ostakolat.
Il-UĦM tenniet li dak li qed jiġri llum hu preċedent serju li jista’ jiġri lill-imsieħba soċjali oħrajn u għalhekk esprimiet ir-riservi tagħha għall-mod kif qed jitmexxa l-MCESD.
Stqarrija bi tweġiba mill-MCESD
Sadanittant fi stqarrija bi tweġiba għall-ittra tal-UĦM, l-MCESD wieġeb li minn Marzu ta’ sentejn ilu s’issa, saru aktar minn 60 laqgħa tal-MCESD u aktar minn nofshom kienu fuq talba tal-Imsieħba Soċjali.
L-MCESD qal li l-inċident bejn is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM u l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, meta ntalab il-mobile qabel laqgħa mal-Ministru Carmelo Abela, kien diskuss fil-laqgħa ta’ jumejn ilu. L-istqarrija tkompli li filwaqt li l-Imsieħba Soċjali huma mħassba dwar l-inċident, qalu li hu inopportun li tissejjaħ laqgħa dwar dan.
Madankollu, l-MCESD bagħat ittra lill-Ministru Abela, fejn kien ikkomunikat it-tħassib tal-Imsieħba Soċjali dwar din il-policy. L-istqarrija ttemm li t-tmexxija tal-MCESD kienet suġġetta għal attakk inġust u mhux mistħoqq.
//= $special ?>