L-Oppożizzjoni tħoss li ma saritx il-kampanja ta’ avviżi u ta’ edukazzjoni meħtieġa f’sitwazzjoni li fiha t-tilqima ma kinitx effettiva
F’Malta, bħall-kumplament tal-Ewropa, il-vaċċin kontra l-influwenza għal din ix-xitwa kien effettiv f’anqas minn 25% tat-tilqim.
Din l-informazzjoni kkonfermaha fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne, fin-nuqqas tal-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg ressqet għadd ta’ mistoqsijiet supplimentari dwar meta l-Gvern kien infurmat u jekk jaħsibx li saret il-kampanja ta’ edukazzjoni meħtieġa, u l-avviżi u l-messaġġi li kellhom jingħataw quddiem din is-sitwazzjoni li dwarha kien hemm konferma uffiċjali li t-tilqima ma kinitx effettiva.
Il-Gvern kellu din il-konferma l-ewwel mis-Centre for Disease Control fl-Istati Uniti f’Diċembru tas-sena l-oħra, u aktar tard mill-European Centre for Disease Control f’Jannar ta’ din is-sena.
Ix-Shadow Minister irrimarkat li filwaqt li bl-ebda mod mhu qed jingħad li l-Gvern jista’ jingħata xi tort li t-tilqima ma ħadmitx, enfasizzat li l-Gvern m’għamilx kampanja ta’ avviżi li l-poplu kien jistenna quddiem sitwazzjoni fejn kien magħruf li t-tilqima ħadmet biss u kienet effettiva f’anqas minn 25% tat-tilqim li sar.
Semmiet kif fl-Ingilterra, l-awtoritajiet iddikjaraw li t-tilqima kienet effettiva biss fi 3% ta’ min ħadha. L-awtoritajiet tas-saħħa fl-Amerika wkoll avżaw b’din is-sitwazzjoni u organizzaw kampanji qawwija ta’ avviżi u messaġġi b’rabta ma’ prevenzjonijiet kontra l-influwenza.
Staqsiet lill-Gvern jagħti rendikont dwar il-kampanja li saret din is-sena u kif din titqabbel ma’ snin preċedenti. Staqsiet dwar x’kampanji ta’ edukazjzoni u ta’ informazzjoni saru u x’tip ta’ kampanji saru f’Malta, waqt li irrimarkat li dak li sar f’pajjiżna ma kienx biżżejjed.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne spjega li kull sena jkun hemm kampanja ta’ edukazzjoni b’rabta mal-vaċċin, u messaġġi oħrajn biex ikun hemm aktar tilqim li din is-sena qal li kien rekord. Fisser ukoll li kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali mill-awtoritajiet tas-saħħa fi programmi televiżivi.
Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg stqasiet lis-Segretarju Parlamentari jippreżenta lista tal-inzjattivi li ttieħdu u x’sar din is-sena meta paragunat ma’ snin preċedenti għaliex fissret li tħoss li f’pajjiżna ma kienx hemm messaġġi u kampanji daqstant qawwija, fejn setgħu wkoll intużaw messaġġi u ħafna avviżi online.
Chris Fearne qal li se jresssaq il-mistoqisja lill-Health Promotion Unit u tingħata l-lista ta’ dak li sar din is-sena.
//= $special ?>