“Jien se nibqa’ Charles Scicluna li kont. Se nibqa’ vokali fit-twemmin tiegħi bhalma kont fil-passat. Fit-tmexxija tiegħi irrid li nkun jien, u mhux fotokopja ta’ ħaddiehor.”
Kliem l-Arċisqof ġdid magħżul mill-Papa Franġisku, Charles Scicluna, meta waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad kien mistoqsi mill-preżentatur Frank Psaila jekk hux se jkompli jitkellem u jgħid dak li jaħseb bħalma għamel fi kwistjonijiet bħall-unjoni ċivili u l-kaċċa.
Mistoqsi wkoll kif ukoll kif il-ħidma tiegħu mill-qrib mal-Papa Benedittu u l-Papa Franġisku se taffettwah, b’Mosinjur Scicluna jgħid li l-eżempju sabiħ li qed jagħti u jgħix il-Papa Franġisku hu ta’ min isegwi.
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li hu jixtieq jiltaqa’ mal-lajċi u mhux se jaqta’ irjus fil-Kurja. Madankollu għamilha ċara li dan ma jfissirx li kull min għandu responsabbilta’ se jibqa’ jżommha.
Imma minkejja responsabbiltajiet ġodda, se jibqa’ jgħix mal-ġenituri tiegħu li jinkwetaw għalih jekk idum ma jidħol id-dar, ma jkunx qed jieħu l-mistrieh tiegħu jew inkella l-mod kif jidher. Qal li saħansitra missieru ssuġġerilu jibda dieta’ stretta biex jidher aħjar.
Tkellem ukoll dwar l-imħabba li għandu lejn l-arti u mużika, imma fuq kollox skuża ruħu jekk fil-ħidma tiegħu weġġa’ jew offenda lil xi ħadd.
Il-programm Iswed fuq l-Abjad jixxandar illejla fit-20:40 fuq Net Television.
//= $special ?>