Jidher li l-militar taħt il-kmand tal-Gvern ta’ Tobruk, il-Gvern li għandu l-għarfien internazzjonali, qed ilesti biex jagħti bidu għal attakk fuq Derna, meqjusa bħala l-fortizza tal-ISIS fil-Libja. Din il-belt diġà kienet fil-mira ta’ attakki mill-ajru mill-Qawwa tal-Ajru tal-Eġittu.
Jidher li l-Gvern ta’ Tobruk se jipprova jagħti bidu għal offensiva biex jieħu l-kontroll ta’ din il-belt.
Sadattant fis-sit The Libyan Herald, Mohammed al-Dairi, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan, qal li hemm madwar 5,000 ġellied barrani, dawk imlaqqma ‘foreign fighters’, li marru l-Libja biex jissieħbu mal-ISIS u gruppi simili. Hu qal li ma’ dawn kien hemm uffiċjali għoljin ta’ gruppi terroristiċi minn pajjiżi barranin.
F’filmat li nħareġ il-ġimgħa li għaddet, militant tal-ISIS għamel appell lis-segwaċi tal-grupp mill-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u l-Eġittu biex imorru l-Libja u jingħaqdu magħhom.
Il-ġimgħa li għaddiet ukoll il-kelliem tal-Armata Libjana qal li l-akbar kamp ta’ taħriġ tal-ISIS kien ibbażat madwar 45 kilometru mill-fruntiera Tuneżina u li Tuneżini kienu responsabbli għall-attakki suwiċida f’Bengażi.
Hekk kif il-Ħamis se jibdew it-taħditiet imexxija min-Nazzjonijiet Uniti fil-Marokk bl-iskop li fost affarijiet oħrajn ikun hemm Gvern ta’ għaqda nazzjonali, fil-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York sorsi qed isostnu li qed jitlestew proposti għal azzjoni jekk dawn it-taħditiet ifallu.
Fost dawn il-proposti qed tisemma dik li jkun hemm imblokk navali tal-Libja kif ukoll li jkunu ffriżati l-assi ta’ Libjani li qed ixekklu l-proċess ta’ paċi fil-pajjiż.
Madwar 5,000 ġellied barrani mal-militanti Iżlamiċi fil-Libja
