Qorti

Miċħud mandat ta’ inibizzjoni mill-UĦM fil-konfront tal-MPTS

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Silvio Meli, ċaħdet it-talba għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni min-naħa tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) fil-konfront tal-Malta Public Transport Services Limited biex twaqqaf li jsiru taħditiet dwar il-ftehim kollettiv ġdid mal-General Workers’ Union, u milli dan jidħol fis-seħħ.

Fit-talba tagħha l-UĦM qalet li hi kellha interess li tipproteġi d-drittijiet tagħha u għalhekk talbet lill-Qorti biex twaqqad lil MPTS milli tinnegozja mal-GWU jew taqsimiet tagħha, jew ma’ unions oħra, dwar ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tat-trasport, partikolarment ix-xufiera.

It-talba kienet ukoll intiża li timpedixxi lil MPTS li tagħmel kull ftehim ieħor, anke dwar ħatriet u ċaqlieq tax-xufiera u dwar tibdil fil-kundizzjonijiet tagħhom. Min-naħa tagħha, fir-risposta li għamlet fil-Qorti, l-MPTS qalet li hija nqabdet f’mora bejn il-unions involuti fejn it-tnejn qed jgħidu li għandhom l-għarfien u d-dritt li jirrappreżentaw il-kategoroija tax-xufiera fi ħdan l-istess soċjetà.

L-MPTS qalet ukoll li hemm mandat ta’ inibizzjoni proviżorjament milqugħ fil-konfront tagħha, li sar mill-GWU biex ma ssirx il-verifika ta’ rekords ta’ sħubija trejdunjonistika ta’ ħaddiema, fuq digriet mogħti mit-Tribunal Industrijali fil-11 ta’ Frar li għadda, liema digriet jidher li se jiġi wkoll ikkontestat mill-union.

Il-kumpanija qalet li għalhekk il-proċess jista’ jieħu fit-tul u li hemm il-probabilità li ma tkunx tista’ tinnegozja ma’ ebda union biex jinħoloq staġnar trejdunjonsitiku għal żmien indefinit. F’każijiet simili, fejn żewġ unions jippretendu li għandhom rikonoxximent maġġoritarju, il-problemi maħluqa jistgħu jiġu solvuti fil-frattemp billi tibqa’ tinnegozja ma’ dik il-union li f’dak il-mument tkun qed tgawdi l-għarfien.

L-MPTS qalet li b’hekk jista’ jiġi evitat kull blokk li jkun ta’ detriment għall-partijiet kollha nvoluti. Ingħad ukol li s-servizz mogħti mill-kumpanija tat-trasport, li hu servizz pubbliku nazzjonali, irid jingħata bla waqfien.
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili qalet li l-UĦM naqqset li tikkonvinċiha li għandhom jiefqu u li m’hemmx prova li hija għandha l-maġġoranza peress li għad iridu jsiru l-verifiki neċessarji.