Internazzjonali

Polemika dwar l-użu tal-email personali minn Hillary Clinton

L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton tinsab fil-mira ta’ kritika u suspetti wara li nstab li meta kienet fil-kariga kienet tuża email personali minflok dak allokat mill-Gvern.
B’dan il-pass m’hemmx rendikont ta’ dak li kienet tikteb meta kienet f’kariga daqshekk importanti, bħalma jitolbu r-regoli tal-Gvern Amerikan.
Dan kien żvelat min-New York Times li qalet li ma sar xejn biex jinżamm rendikont ta’ dak li kien jinkiteb fl-emails.
Clinton kienet spiċċat minn Segretarju tal-Istat fl-2013 u issa hemm indikazzjonijiet li aktarx trid tikkontesta l-elezzjoni presidenzjali fl-2016 għall-Partit Demokratiku.
Kien biss xahrejn ilu li bħala parti minn sforz tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan biex jitranġaw l-affarijiet li ajjutanti ta’ Clinton irrevedew eluf kbar ta’ emails fil-kont personali tagħha u ddeċidew liema kienu dawk li għandhom jingħataw lill-Gvern biex jinżammu. B’kollox ingħataw kopji ta’ 55,000 email.
Uffiċjali min-National Archives and Records Administration, li jżommu rendikont tal-korrispondenza kollha tal-Gvern Amerikan, qalu li dan l-aġir ta’ Clinton, partikolarment meta wieħed iqis il-kariga li kellha, kien ksur serju tar-regoli tal-amministrazzjoni.
Skont il-liġijiet federali Amerikani, kull korrispondenza li tintbagħat lill-uffiċjali tal-Gvern, hi meqjusa bħala dokument tal-Gvern u dawn għandhom jinżammu fid-departimenti tal-Gvern konċernati. Dan biex ikun hemm aċċess għalihom f’każ ta’ investigazzjoni kif ukoll għall-istoriċi u l-ġurnalisti. L-unika eċċezzjoni ssir għal korrispondenza meqjusa bħala sigrieta jew li tista’ teffettwa s-sigurtà nazzjonali.
Filwaqt li Clinton mhix l-ewwel uffiċjal tal-Gvern li għamel hekk, li jistona fil-każ hu li din użat l-email personali għax-xogħol kollu tagħha meta kienet Segretarju tal-Istat. Skont ir-regoli, l-użu ta’ emails personali hu permess biss f’każi ta’ emerġenza bħal meta l-kompjuter ma jkunx qed jaħdem.