Lokali

Proġett imħassar b’kisja tarmak

Il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista f’Birkirkara ddeċieda li jirranġa partijiet minn Triq Tumas Dingli, triq pavimentata minn ġebel tal-lava, billi jitfa’ fuqha t-tarmak iswed.

Dan wassal biex issa t-triq, li tinsab quddiem il-Knsija l-Qadima ta’ Birkirkara, spiċċat b’partijiet minnha mmarkati minn ċapep suwed ta’ tarmak.

It-triq fl-aħħar sigħat spiċċat ridikolata minn numru ta’ persuni fuq Facebook. Min qal li issa spiċċat qisha parti minn logħba passju, min qal li verament xogħol li traqqa’ l-pannu bil-qargħa ħamra, u min qal li bħalissa verament il-film 50 Shades of Grey qiegħed in voga.

Imma apparti li estetikament din it-triq tidher kerha, l-azzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara tista’ twassal biex jintilfu l-fondi Ewropej li kienu akkwistati biex sar dan il-proġett minn kunsill lokali mmexxi mill-eks Sindku Michael Fenech Adami.

Dan għaliex l-azzjoni tal-Kunsill Lokali tista’ tmur kontra l-ftehim li jorbot lill-kunsill biex jiġu mantnuti u ppreservati proġetti li jkunu saru minn fondi Ewropej.