Ix-xogħol li qed iwettqu l-voluntieri fl-Arkivji Notarili hu wieħed imprezzabbli. Dan hu patrimonju kbir li għandna l-obbligu li nħarsuh. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta dalgħodu żar l-Arkivji Notarili fil-Belt. Hu ntlaqa’ minn Joan Abela, il-President tal-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivji Notarili, għaqda volontarja li għaddejja bix-xogħol metikoluż ta’ katalogar u restawr ta’ eluf ta’ dokumenti. Preżenti wkoll kien hemm Keith German, in-Nutar tal-Gvern.
Simon Busuttil qal li d-dokumenti miġbura f’dawn l-Arkivji huma l-għeruq tagħna u jekk nitilfu dan il-patrimonju, ifisser li ma nafux x’inhuma l-għeruq u għaldaqstant l-identità tagħna. Il-ħidma ta’ restawr tiddependi kważi għal kollox mill-għajnuna finanzjarja ta’ sponsors u individwi. Għaldaqstant, hu ħeġġeġ lill-pubbliku biex jgħin kemm jista’ ħalli dan il-patrimonju jitħares. Dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kunsill nieda l-inizjattiva “Adotta Nutar”, fejn il-pubbliku jista’ jagħti donazzjoni biex jadotta x-xogħolijiet fuq dokument, volum jew saħansitra x-xogħol kollu ta’ Nutar partikolari.
Fil-fatt, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel id-donazzjoni tiegħu u adotta dokument li jmur lura għas-Seklu 18, li kien forma ta’ Passaport maħruġ mill-Franġiskani fl-Art Imqaddsa biex il-persuni li għandhom dan id-dokument ikunu jistgħu jbaħħru bla xkiel lejn l-Art Mqaddsa. Simon Busuttil offra wkoll l-għajnuna lill-voluntieri biex jidentifikaw possibiltajiet ħalli japplikaw għal fondi mill-Unjoni Ewropea.
Bħalissa hemm żewġ persuni li huma kkwalifikati fil-konservazzjoni u r-restawr ta’ dokumenti. Bl-ammont ta’ xogħol li hemm fl-eluf ta’ volumi u r-riżorsi umani li hemm, hu stmat li hemm bżonn ta’ kważi 900 sena biex jitlesta r-restawr.
//= $special ?>