Ftit aktar minn ġimgħa ilu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kitbet paġna oħra sewda fil-karriera politika tagħha meta waqt laqgħa ma’ numru ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, infexxet f’theddid, insulti u tgħajjir, u saħansitra qaltilhom li kienet lesta tibagħtilhom lill-Kummissarju tal-Pulizija wara l-bieb tagħhom.
Apparti li dan l-inċident fih innifsu xxokkja lil dawk preżenti kif ukoll lil kull min sema’ dwaru mill-media fil-jiem ta’ wara, dak li llum ikompli jħasseb ħażin hu s-skiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat li wieħed kien jistenna li jċanfar l-atteġġjament ta’ Justyne Caruana.
L-inqas li wieħed kien jistenna mill-Prim Ministru wara li ħarġu fil-beraħ il-fatti dwar dak li ġara fil-laqgħa ta’ Justyne Caruana ma’ ħaddiema involuti fit-tmexxija taċ-ċentri ta’ matul il-jum madwar Malta, kien li fi stqarrija jew personalment jikkundanna dak li għamlet din il-membru tal-Kabinett tiegħu.
Il-korrettezza tal-politika u l-korrettezza fit-tmexxija jitolbu li wieħed imexxi ‘l quddiem mhux bit-theddid, bl-insulti u bit-tgħajjir. Forsi Justyne Caruana għadha ma waslitx f’dan il-livell u għax tħossha inċerta u dgħajfa allura żżeffen fin-nofs terzi biex tagħmel il-pożizzjoni tagħha – mingħaliha – aktar b’saħħitha u kredibbli. Għax bla dubju ma kellhiex għalfejn iżżeffen fin-nofs lill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar bħallikieku dan qiegħed b’idu fuq żaqqu biex ikollu xi ħaġa x’jagħmel. Jew, agħar minn hekk, bħallikieku l-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar hu xi ġeru tagħha li tordnalu hi x’jagħmel u dan jobdiha.
Wisq problemi inutli fuq il-platt tal-Prim Ministru
Matul dawn il-jiem il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu ħafna problemi fuq il-platt tiegħu kaġunati minn membri varji tal-Kabinett li qed ikomplu juru li l-poter tela’ għal rashom u qegħdin fi stat ta’ sakra…apparti dak li żvela l-Awditur Ġenerali dwar l-akkwist mill-Gvern tal-Cafè Premier li jolqot direttament lil Muscat stess!
Iżda jekk irid ikun kredibbli u assidwu, il-PM għandu jaħsel idejh minn imġiba bħal din tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana li ġimgħa ilu f’laqgħa mal-ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani heddithom biex ma jsegwux id-direttiva legali maħruġa mill-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) b’riżultat ta’ dak li għamel il-Gvern meta qabad u ħatar numru ta’ supervisors f’dawn iċ-ċentri minflok ma rreveda l-istruttura għall-ħaddiema preżenti.
Jidher li Justyne Caruana ma felħitx li l-ħaddiema milquta jitkellmu mal-union tagħhom ħalli taqbeż għad-drittijiet tagħhom. Le, laqqgħethom u qaltilhom li se turihom min hi Justyne Caruana! Fil-veru sens tal-kelma… tad-daħk. Jew tal-biki?
Għax li Segretarju Parlamentari tindirizza lill-ħaddiema tagħha u tgħidilhom li se turihom min hi u li “jekk toħorġu xi kelma minn hawn ġew tpattuha qares” hi ħaġa li ma titwemminx.
Imma dakinhar Justyne Caruana kompliet tmur lil hinn minn hekk u saħansitra lill-ħaddiema li kellha quddiemha heddithom li kienet lesta ġġibilhom il-Pulizija wara l-bieb tagħhom – “ieqaf għax il-Kummissarju tal-Pulizija wara l-bieb inġibhulek!”
Bla dubju ta’ xejn li l-kundanni li saru għal dan l-atteġġjament ta’ Justyne Caruana kienu flokhom u f’waqthom. Ħasra li f’dawn il-kundanni ma kienx hemm ukoll dik tal-Prim Ministru Joseph Muscat li m’għandux jaċċetta mġiba skorretta bħal din… aktar u aktar minn persuna li kienet qed iġġib ruħha b’dan il-mod mhux għall-ewwel darba.
Kulħadd għadha friska ħafna f’moħħu l-imġiba ta’ Justyne Caruana u l-famużi sriep meta ħalliet ilsienha jiġri biha.
//= $special ?>