Lokali

Wara l-akkużi ppublikati fuq MaltaRightNow: il-Pulizija tiftaħ investigazzjoni fuq id-DJ Joel Caruana

Il-Pulizija qed tinvestiga lid-DJ Joel Caruana wara li dan is-sit għall-aħħar ġimgħat ippublika serje ta’ stejjer u akkużi ġodda li saru fil-konfront tiegħu.

F’risposta għal mistoqsijiet li bagħat dan is-sit lill-Korp tal-Pulizija, ġejna nfurmati li “l-Pulizija qed taħdem fuq dawn l-allegazzjonijiet ġodda.”

Fost l-akkużi li jrid iwieġeb għalihom Joel Caruana hemm dawk ta’ omm, li kif żvela dan is-sit allegat li bintha ntużat fuq poster ta’ party li sar is-Sibt li għadda mingħajr il-kunsens tagħha jew tal-ġenituri.

“Binti, u tfajliet oħra taħt l-età li d-DJ Joel Caruana poġġa fuq posters biex jirriklama l-parties tiegħu qatt ma tawh permess jagħmel dan,” qalet din l-omm f’kummenti lil Maltarightnow.com.

Kif irrapurtat minn dan is-sit, l-omm irrapurtat dan il-każ lill-Pulizija mis-sezzjoni tas-Cyber Crime Unit, lill-Kummissarju tat-Tfal kif ukoll lill-Uffiċċjali tal-Protezzjoni tad-Data. Dan għaliex qed tallega li d-DJ qabad u ħa r-ritratti ta’ bintha, u tfajliet oħra taħt l-eta’ minn fuq Facebook.

Imma l-akkużi kontra Joel Caruana ma jiqfux hawn. Dan hekk kif Maltarightnow żvela wkoll kummenti li saru fuq Facebook minn tfajla taħt l-eta’ li allegat li minkejja li kienet taħt l-eta’, Joel Caruana pprova jkollu x’jaqsam magħha kontra r-rieda tagħha.

Skont din it-tfajla, Joel Caruana kien talabha tidħol miegħu fl-uffiċċju tiegħu u saqsiha kemm trid flus biex ikollu x’jaqsam magħha. Imma meta rreżistiet, Joel insista u pprova jneżżahha, għalkemm hi tatu daqqa ta’ ħarta biex waqqfitu mill-avvanzi tiegħu.

Joel

Barra minn hekk DJ ieħor f’kumment li tefa’ fuq Facebook staqsa għaliex DJ Joel neħħa xi kummenti li kiteb u qal hekk: “Jaqaw xi ħadd minn fost sħabi għandu bżonn isir jaf xi ħaġa dwarek? Forsi li ddrugajtlu lil oħtu biex tieħu vantaġġ minnha?”

Joel II

Jekk Joel Caruana jinstab ħati ta’ dawn l-akkużi, din tkun it-tielet darba li dan id-DJ jrid jiddefendi ruħu quddiem il-Qorti.

Dan wara li lura fl-2010, Joel Caruana ngħata sentenza sospiża mill-Qorti għax nstab li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tifla ta’ 13-il sena waqt li fl-2013 kien ammetta wkoll li kellu x’jaqsam ma’ din it-tfajla taħt l-eta’ u li kien offenda l-morali pubbliċi wara li kien deher f’ritratt jaqbad sider tfajla taħt l-eta’.