Lokali Qorti

Wieħed mill-akkużati fil-qtil tax-xufier Matthew Zahra jingħata kumpens

Kien f’kawża oħra ma’ ieħor li damet 23 sena biex tinqata’

Ronald Urry ta’ 50 sena minn Raħal Ġdid li huwa wieħed mill-akkużati fl-omiċidju tax-xufier tat-taxi Matthew Zahra Zahra, li kien ilu nieqes mill-15 ta’ Awwissu tas-sena 2012, u nstab midfun f’għalqa fil-Qajjenza f’Lulju tal-2013 ingħata kumpens ta’ €700 fuq każ ieħor.

Il-kumpens ingħata lil Urry u lil sieħbu Raymond Bonnici ta’ 55 sena mill-Marsa b’dan ta’ l-aħħar jingħata wkoll l-istess ammont ta’ €700, li l-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Noel Cuschieri u Giannino Caruana Demajo tat bħala danni sofferti minnhom peress li d-dewmien kien ta’ vjolazzjoni għad-drittijiet tagħhom fuq kawża li damet sejra aktar minn dak stipulat fil-liġi.

Dan il-każ kien dwar kawża dwar serq ta’ LM93.95 li ġiet preskritta wara li kienet ilha 23 sena fil-Qorti. Huma kienu akkużati li serqu Lm93.35 f’salarju għad-dannu ta’ Antonia Dalli. L-ewwel darba li kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ kien fl-14 ta’ Diċembru, 1990.

Dwar dan il-każ huma kienu fetħu wkoll kawża kostituzzjonali fejn fiha talbu biex il-Qorti tagħtihom rimedju, fejn qalu li l-każ ilu jkollu dewmien minħabba aġġornamenti għad-digriet u għas-sentenza. Kien hemm każ minnhom fejn seduti damu ħames snin bejn waħda u l-oħra.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li ma tistax ma tikkundannax l-aġir tal-imputati li ripetutament ostakolaw il-progress billi għal diversi okkażjonijiet naqsu li jidhru għas-seduti, iżda fl-istess ħin ma tistax ma tiddeplorax in-nuqqas ta’ impenn tal-Prosekuzzjoni biex tara li l-imputati jkunu preżenti għas-seduti.

It-tliet Imħallfin qalu wkoll li anke l-Qorti kif preseduta matul l-andament tal-proċeduri, naqqset milli tieħu dawk il-miżuri meħtiga sabiex twassal il-proċeduri għat-tmiem tagħhom u biex ma tħallix la lill-imputati kif ukoll lill-Prosekuzzjoni milli kontinwament jimblokkaw il-proċeduri.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li dan apparti l-fatt stess li l-Qorti stess għal snin twal ikkontribwiet għad-dewmien tal-proċeduri billi ħalliet ir-riedni tal-kawża jittieħdu minn idejha meta naqqset li tagħti provedimenti sempliċi li kellha tagħti, anke jekk għal żmien twil kien dovut għall-fatt li l-imputati naqsu mill-jidhru għall-proċeduri.

Kien biss meta l-proċeduri għaddew f’idejn Maġistrat ieħor wara l-irtirar tal-Maġistrat ta’ qabel il-proċeduri twasslu għat-tmiem tagħhom fi żmien relattivament qasir.

Biex waslet għall-ammont ta’ kumpens li jkun ġust fiċ-ċirkostanzi, l-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni d-dewmien twil u eċċessiv, n-natura kriminali tal-proċeduri relevanti, l-grad ta’ stat ta’inċertezza, frustrazzjoni u ansjeta’ li d-dewmien neċċessarjament iġġenera fl-imputati, n-nuqqas tal-istess Urry u Bonnici li jieħdu xi inizjattiva biex l-affarijiet isiru aktar mingħajr dewmien u l-kontribut tagħhom għad-dewmien ta’ dawn il-proċeduri. Għal Bonnici u Urry dehru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Muscat.