Futbol Sport

Blatter irid pieni aktar ħorox għal kontra r-razziżmu

Il-President tal-FIFA Sepp Blatter qal li biex xi darba tintrebaħ il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-pieni li jingħataw it-timijiet għandhom ikunu aktar ħorox. Blatter kien qed jitkellem waqt laqgħa tal-Kungress tal-FIFA li saret fil-Paragwaj, il-pajjiż li ironikament fih din il-ġimgħa kien hemm każ ta’ razziżmu.

F’logħba mit-tazza domestika l-attakkant Juan Aurich qabad u ħareġ mill-grawnd wara li kien attakkat b’mod razzjali mill-partitarji tat-tim avversarju.

“Problema kbira li qed jaffaċja l-futbol f’dawn l-aħħar snin hi dik tar-razziżmu. Din hi problema kbira. Nemmen li biex xi darba neliminaw din il-problema rridu nkunu aktar ħorox fil-pieni. Bħalissa l-uniku pieni li hemm huma multi kbar jew meta tim ikun ordnat jilgħab fi grawnd maqgħluq. Biex verament inwasslu l-messaġġ irid ikun hemm tnaqqis ta’ punti lit-timijiet jew f’ċerti każijiet jiġu anke relegati,” qal Blatter. Blatter bħalissa għaddej bil-kampanja tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA. Hu qed jittama li jerġa’ jkun elett President biex iservi l-ħames terminu tiegħu. Jisfidawh hemm Michael van Praag, Luis Figo u Ali bin Al Hussein.

Fl-Ewropa kien hemm nurmu ta’ każijiet simili matul l-aħħar snin. Kevin-Prince Boateng, meta kien għadu ma’ Milan ħareġ mill-grawnd waqt partita ta’ ħbiberija kontra Pro Patria u l-partita kienet spiaċċat ġiet abbandunata. Sitt xhur wara, plejer ieħor ta’ Milan, Kevin Constant, waqt partita tat-Trofe TIM kontra Sassuolo li kienu għadhom kemm ġew promossi fis-Serie A, ukoll kien ħareġ mill-grawnd u kellu jidħol plejer ieħor minfloku biex titkompla l-partita.

F’partita oħra li kienet intlagħbet f’Mejju ta’ sentejn ilu bejn Milan u Roma, il-logħba kellha tieqaf għal ftit minuti hekk kif il-partitarji ta’ Roma bdew ikantaw korijiet razzisti fil-konfront ta’ Balotelli u dan tal-aħħar kien għedded li jħalli l-grawnd jekk jerġa’ jkun vittma ta’ abbuż razzjali.

Minn naħa tiegħu l-President tal-UEFA Michel Platini minn dejjem kien kontra l-fatt li plejer jaqbad u jitlaq mill-grawnd u dejjem talab lill-plejers biex jinfurmaw lir-referee u mhux jaqbdu u jħallu l-grawnd.