RITRATT ESKLUSSIV MaltaRightNow.com qed jiżvela esklussivament ir-ritratt tal-Malti Matthew Dingli, li jinsab f’qagħda kritika wara li ntlaqat minn tiri fi Tripli. Aktar informazzjoni dwar dan il-każ, tistgħu ssegwuha fil-ħarġa ta’ għada tal-ġurnal In-Nazzjon.
Aktar kmieni …
Għassa stretta fit-Taqsima Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei ma’ Malti ferut serjament b’tir ta’ arma tan-nar fil-Libja
L-ogħla awtoritajiet Maltin huma f’investigazzjoni biex jistabbilixxu preċiżament x’wassal biex Malti – Matthew Dingli ta’ 31 mill-Kappara – jintlaqat b’tir jew tiri ta’ arma tan-nar fil-kapitali Libjana, Tripli.
Il-każ jidher li seħħ f’xi ħin matul il-ġurnata tal-bieraħ, probabbilment tard filgħaxija, bir-riżultat li minħabba l-qagħda kritika li kien fiha, kellhom isiru b’mod immedjat l-arranġamenti kollha meħtieġa biex Matthew Dingli jinġieb Malta għall-kura.
Fil-fatt titjira mill-ajruport ta’ Mitiga wasslet biex ġabet lil dan il-Malti ferut li fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sab tim mediku li permezz ta’ ambulanza ħadu għall-kura immedjata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
Jidher li Matthew Dingli nġieb Malta permezz ta’ ajruplan-ambulanza u nstab li kien f’qagħda mill-aktar kritika. L-ogħla awtoritajiet Maltin qed jippruvaw jistabbilixxu l-fatti korretti li wasslu għal dan l-inċident serju u jekk hemm involuti terzi persuni.
Sadattant il-Gvern fi stqarrija uffiċjali ftit tal-ħin ilu qal li “raġel Malti ta’ 31 sena mill-Kappara safa ferut gravi u jinsab f’qagħda kritika wara inċident b’arma tan-nar fi Tripli, il-Libja.
“Għadu mhux magħruf x’wassal għal dan il-każ. Il-Gvern Malti għadu mhux f’pożizzjoni li jivverifika l-fatti b’mod indipendenti u għadhom għaddejjin aktar aċċertamenti,” kompliet l-istqarrija tal-Gvern Malti.
L-istqarrija żiedet li “l-Malti kien Tripli fuq xogħol minkejja l-avviż tal-Gvern Malti biex ħadd ma jmur il-Libja.
“Minnufih il-Gvern Malti beda bil-kuntatti biex din il-persuna tinġieb Malta għall-kura. L-awtoritajiet kollha Libjani taw il-kollaborazzjoni sħiħa tagħhom biex din il-persuna tinġieb Malta. Fil-fatt ir-raġel twassal Malta dan il-lejl permezz ta’ air ambulance.
“L-avviżi kontra kull forma ta’ safar lejn il-Libja jibqgħu fis-seħħ.”
Aktar kmieni …
Raġel Malti ta’ 34 sena mill-Kappara safa ferut gravi u jinsab f’qagħda kritika wara inċident b’arma tan-nar fi Tripli, il-Libja.
Għadu mhux magħruf x’wassal għal dan il-każ. Fi stqarrija il-Gvern Malti qal li għadu mhux f’pożizzjoni li jivverifika l-fatti b’mod indipendenti u għadhom għaddejjin aktar aċċertamenti.
Il-Malti kien Tripli fuq xogħol minkejja l-avviż tal-Gvern Malti biex ħadd ma jmur il-Libja.
Minnufih il-Gvern Malti beda bil-kuntatti biex din il-persuna tinġieb Malta għall-kura. L-awtoritajiet kollha Libjani taw il-kollaborazzjoni sħiħa tagħhom biex din il-persuna tinġieb Malta. Fil-fatt ir-raġel twassal Malta dan il-lejl permezz ta’ air ambulance.
L-avviżi kontra kull forma ta’ safar lejn il-Libja jibqgħu fis-seħħ.
F’messaġġ fuq Twitter, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ għamel appell qawwi sabiex jiġu mħarsa l-Maltin kollha li hemm fil-Libja.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet li għamel dalgħodu kiteb s’issa l-Gvern għadu qed jipprova jivverifika l-fatti tal-każ b’mod indipendenti.
Sadanittant, wieħed irid jirrimarka li anke lura fl-2011, Matthew Dingli kien iddeċieda li jibqa’ fil-Libja fl-eqqel tal-kunflitt kontra Gaddafi. Dak iż-żmien huwa kien għadda minn xhur twal ta’ biża’ u inċertezza, iżda kien sodisfatt li kollox għadda b’wiċċ il-ġid.
//= $special ?>