Kurżitajiet

Fans ta’ Harry Potter jridu jgħaqqdu l-$1 miljun biex jixtru l-kastell ta’ “Hogwarts”

Il-kastell ta’ “Hogwarts” kapaċi jsir realtà hekk kif fans tas-serje ta’ Harry Potter iridu jixtru l-kastell tagħhom u, fi kwarta, ġabru flus ekwivalenti għal kwart tal-mira tagħhom.

Fil-Polonja qed isiru numru ta’ attivitajiet minn The College of Wizardry, li hu grupp ta’ voluntiera, fil-forma ta’ logħba popolari f’kastell u li tibni fuq l-idea tal-iskola tal-maġija fis-serje ta’ Harry Potter. L-idea issa hi li din tibda ssir fuq bażi permanenti jekk ikollhom il-kastell tagħhom.

F’kampanja ta’ ġbir ta’ fondi, imnedija fit-28 ta’ Frar, inġabru iktar minn $18,000. Il-mira tagħhom hi li jiġbru $50,000 biex ikunu jistgħu jorganizzaw attività oħra f’Novembru f’kastell ieħor imma jekk jiġbru $1 miljun, The College of Wizardry jixtri kastell għall-attivitajiet li jrid itella’ ‘l quddiem.

Dawk li jwegħdu l-flus jistgħu jsemmu karattri, jakkwistaw biljetti u jkollhom anke attivitajiet privati. Żewġt ikmamar privati għal erba’ min-nies inbiegħu għal $1,800 kull waħda.

Il-logħba saret l-ewwel darba f’Novembru li għadda. Il-180 “student” jattendu għal attività mifruxa fuq erbat ijiem fejn jingħataw il-ħwejjeġ, ingravata u kotba tal-iskola qabel jidħlu għal-logħba fejn jingħataw il-ħajja kull dettall tal-iskola tal-maġija.

S’issa jidher li l-aħħar attivitajiet se jsiru f’April, minħabba li Warner Bros għandhom id-drittijiet ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Harry Potter, imma l-voluntieri ta’ The College of Wizardry qed jippruvaw jaslu magħhom biex dawn l-attivitajiet jiġu estiżi. Jekk ma jirnexxilhomx, it-tama tagħhom hi li l-“iskola tal-maġija” tibqa’ fis-seħħ anke jekk tkun mingħajr il-karattri tas-serje ta’ Harry Potter.