Għalliema li kienet impjegata fil-Kulleġġ St Edward’s kienet ordnata tħallas is-somma ta’ €1,000 lill-impjegat responsabbli mill-kuntratti tal-istess għalliema wara li Qorti sabitha ħatja li mmalafamatu. Sandro Bruno beda proċeduri legali fil-Qorti tal-Maġistrati kontra Francesca Stivala, wara li fis-16 ta’ Novembru 2012 din bagħtet ittra elettronika (e-mail) lil 47 membru tal-istaff akkademiku tal-kulleġġ fejn fiha Bruno jidher jgħid lil Analise Micallef, l-assistenta tiegħu, “għax ħa ngħidlek – I mess with people for a living.”
Stivala kienet impjegata bħala ‘temporary teacher‘ għas-sena skolastika 2011/2012 li bdiet fl-1 ta’ Settembru 2011 u spiċċat fil-31 ta’ Awissu 2012, imma wara li l-impjieg kien terminat hija talbet li titħallas għax-xahar ta’ Settembru 2012 għax saħqet li ħadmet f’dak ix-xahar ukoll, imma Brunno ma qabilx.
Kien għalhekk li Stivala ddeċidiet li tibgħat l-ittra elettronika lill-istaff akkademiku tal-Kulleġġ St Edward’s. Għalkemm hija offriet li tagħmel apoloġija lil Bruno, huwa riedha tagħmilha bil-miktub u bi kliem miktub minnu, imma hija ma riditx u għalhekk infetħet il-kawża.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale qal fis-sentenza tiegħu li għalkemm l-ittra elettronika ma tidhirx li hija kkunsidrata bħala xandir fil-liġi, għax jidher li xandir huwa aktar intiż bħala dak li jintwera u jissemma fuq it-televizjoni u r-radju, l-istess ittra għandha titqies bħala ‘stampat’.
Huwa qal li l-fatt li Stivala għażlet li tuża r-ritratt ta’ Brunno fl-ittra elettronika u ħadet iż-żmien biex immanipulatu billi oskurat l-uċuħ u miegħu żiedet il-kliem, hija indikazzjoni ċara li l-intenzjoni tagħha kienet biex tħammġu u tassigura li jekk xi wieħed mill-47 persuna li rċevewha kellhom xi dubju dwar min kienet qed tilmenta fuqu dan id-dubju jiġi eliminat.
Kien għalhekk li waqt li sab lil Stivala ħatja li bl-imsemmija ittra elettronika mmalafama lil Bruno, il-Maġistrat Depasquale kkundannaha tħallas lil Bruno s-somma ta’ €1,000 bħala kumpens, talli wkoll waqqgħetu għar-redikolu.
//= $special ?>