Lokali

Ġlieda fil-Każin Laburista tar-Rabat Għawdex

Argument jaħraq dwar promozzjonijiet li kellu l-bidu tiegħu fil-Każin Laburista tar-Rabat, Għawdex, nhar il-Ġimgħa filgħaxija, kiber u żviluppa fi ġlieda kbira bejn numru ta’ partitarji Laburisti li dak il-ħin kienu fil-każin.

Minn informazzjoni li ħarġet fil-gurnal IN-NAZZJON, jirriżulta li nhar il-Ġimgħa filgħaxija kienet qed issir laqgħa tal-Kumitat Reġjonali Laburista ta’ Għawdex fil-Każin Laburista fir-Rabat. F’mument minnhom jidher li d-diskors waqa’ fuq xi promozzjonijiet, u kif qed isiru ċerti promozzjonijiet.

Nifhmu li tnejn mill-persuni li tlewmu sew f’dan l-argument kienu Ian Masini li hu magħruf sew li hu viċin il-Ministru Anton Refalo, u Carmelo Cassar, ir-raġel ta’ Ġuża Cassar li hi magħrufa sew f’Għawdex bħala pilastru tal-Partit Laburista.