Internazzjonali

Ħabs u swat għal żewġ Ġermaniżi għax ivvandalizzaw ferrovija f’Singapore

Żewġ turisti Ġermaniżi ġew ikkundannati f’Singapore għal tliet daqqiet kull wieħed b’bastun tal-injam u għal disa’ xhur fil-ħabs wara li fi stazzjon tal-ferrovija, sprejjaw graffitti fuq vagun tal-ferrovija.

Andreas Von Knorre, ta’ 22 sena, u Elton Hinz, ta’ 21 sena, ammettew l-akkużi kontrihom ta’ vandaliżmu u ddeskrivew l-azzjoni tagħhom bħala stupida. Huma kienu żaru Singapore fuq btala mill-Awstralja u kienu ġew arrestati f’Kuala Lumpur fil-Malasja.

Singapore għandu sentenzi ħorox għal min jinqabad jagħmel vandaliżmu. Dawn jistgħu jingħataw sentenzi ta’ minn tlieta sa tmien daqqiet b’bastun tal-injam fuq in-naħa ta’ wara ta’ koxtejhom u jistgħu jiġu mġiegħla jħallsu multi għolja.

Fl-2010, konsulent tas-software mill-Isvizzera kien intbagħat il-ħabs u mogħti daqqiet bil-bastun minħabba li sprejja graffiti fuq ferrovija. Fl-1994, l-Amerikan Michael Fay ukoll ġie mogħti daqqiet bil-bastun minkejja appelli mill-President Amerikan ta’ dak iż-żmien Bill Clinton, wara li nstab ħati li vvandalizza karozzi u propjetà pubblika.