Lokali

Il-Kunsill Studenti Universitarji kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) iddikkjara l-pożizzjoni tiegħu kontra li tibqa’ l-kaċċa fir-rebbiegħa wara li organizza dibattitu u stħarriġ fost l-istudenti.

Fi stqarrija spjega li r-raġuni ewlenija għall-pożizzjoni tiegħu hu li s-sens komun jgħid li l-passatemp tal-kaċċa qed ikun ta’ detriment serju fuq is-sostenibilità fis-sens wiesgħa tagħha.

Il-KSU spjega li l-pożizzjoni tiegħu mhix minħabba “b’mibgħeda lejn il-kaċċatur iżda b’imħabba lejn il-konservazzjoni tal-ispeċi.” Spjega li f’dan il-każ, wieħed mhux qed jitkellem fuq id-dritt fundamentali, eżawrit u inekwivoku, għaliex dan ma jista’ qatt ikun abolit waqt li saħaq li l-qtil tal-għasafar li jkunu sejrin lura lejn l-Ewropa mill-Afrika biex ibejtu, qed ikompli jipperikola t-tkattir naturali tal-ispeċi. Spjega li n-numru ta’ gamiem fl-Ewropa naqas b’mod allarmanti.

Qal ukoll li wħud qed jinqdew bil-kaċċa fir-rebbiegħa bħala paraventu biex warajh jinħeba l-qtil illegali ta’ speċi protetti.

Il-KSU qal ukoll li waqt li qed jagħti l-opinjoni tiegħu wara li ttieħdet in kunsiderazzjoni r-rieda tal-maġġoranza, irid jagħti ġieħ lill-opinjoni tal-minoranza li jemmnu li d-dritt għal deroga fir-rebbiegħa hu rikonoxxut mill-Qrati tal-Unjoni Ewropea u m’għandux jiġi revokat.

Fl-istess ħin, il-KSU qal li hu tal-fehma li l-mistoqsija tar-referendum tista’ tkun waħda ambigwa għal min m’għandux bażi legali u li l-kampanja li qed issir qed tisfa vittma ta’ tgħawwiġ tal-fatti, nofs veritajiet u kwotazzjonijiet barra mill-kuntest. Għalhekk appella lill-pubbliku biex jiżen u jevalwa rapporti u statistika li għandhom awtorità.

Il-KSU ħeġġeġ lill-elettorat, b’mod speċjali lill-istudenti, biex joħorġu jivvutaw nhar il-11 t’April u ħeġġeġ ukoll lill-politiċi biex jabbandunaw l-esperjenza politika li tħares biss lejn il-voti u minflok ikunu l-protagonisti ta’ diskussjoni oġġettiva.