Internazzjonali

Il-Liberja ‘ħielsa mill-Ebola’ għal ġimgħa…

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-Liberja għaddiet ġimgħa sħiħa mingħajr ma rrappurtat każ wieħed ġdid tal-Ebola. Din hi l-ewwel darba li ma feġġ l-ebda każ ġdid tal-virus fil-pajjiż Afrikan inkwistjoni minn Mejju tal-2014.

Intant, l-Uffiċjali ta-Saħħa qalu li kien hemm 132 każi ġodda tal-Ebola  fil-Guinea u Sierra Leone fil-ġimgħa li kkonkludiet fl-1 ta’ Marzu.

Dan fost twissija li tant huma kontinwi l-movimenti tan-nies fiz-zona li anki l-Liberja, ‘il quddiem, tista’ tirreġistra numru ġdid ta’ persuni infettati bl-Ebola.

Sallum, mietu ‘l fuq minn 10,000 persuna bl-Ebola, bil-maġġoranza assoluta tal-vittmi jseħħu fl-imsemmija pajjiżi Afrikani. L-Uffiċjali tas-Saħħa, fl-istess ħin, wissew li għadha għaddejja ‘xorta’ l-ġlieda kontra l-Ebola fil-Liberja.

Gregory Hartl, kelliem għall-WHO, qal li l-Organizzazzjoni, fiċ-ċirkostanzi, qed tħares lejn il-Liberja, il-Guinea u Sierra Leone daqslikieku ‘entita waħda’.

B’hekk, u minkejja l-aħbar pożittiva li l-Liberja ilha l-jiem ma tirrapporta każi ġodda tal-Ebola, il-popolazzjonijiet fir-reġjun tant huma ‘mobbli’ li jistgħu ‘jimpurtaw mill-ġdid il-virus’ fl-inħawi proprja li qed jistejqru mill-impatt tal-epidemija.