Formula 1 Sport

Il-Marussia se jkunu preżenti fl-Awstralja

It-tim tal-Marussia ikkonfermaw li se jieħdu sehem fl-ewwel Grand Prix tal-istaġun li se jsir fl-Awstralja. Dan wara li ‘ġew salvati’ b’investiment kbir li għamel fi ħdan it-tim in-negozjant Stephen Fitzpatrick. Fitzpatrick, li hu s-sid tal-kumpanija Ovo Energy ingħaqad flimkien ma’ Justin King u Graeme Lowdon u dawn it-tliet ħadu id f’id bla waqfien biex jaċċertaw li t-tim ikun preżenti f’Melbourne.

It-tim se jtellaq b’karozza li hi konformi mar-regoli ta’ din is-sena u aktar tard matul l-istaġun dawn se jsuqu b’karozza ġdida. Lejn tmiem is-sena li għaddiet il-Marussia kienu fallew u minħabba f’hekk ma kinux ħadu sehem fil-Grand Prix tal-Istati Uniti.

Ta min jiftakar li l-Kap tal-Formula 1 Bernie Ecclestone din il-ġimgħa stqarr li se jgħin lil tliet timijiet, dawk tas-Sauber, tal-Force India u l-Lotus, li għandhom diffikultajiet finanzjarji biex dawn ukoll jikkompetu fl-ewwel GP tal-istaġun.