Lokali Parlament

Executive Head fuq probation diġà dikjarata Deputat CEO tal-Awtorità tad-Djar

Isem il-persuna li hi qrib il-mara tal-PM jitla’ fl-address book tal-Gvern f’kariga li għadha ma ħaditx u ma tħabbritx

Persuna qrib il-mara tal-Prim Ministru, li fil-preżent hi waħda mill-erba’ Executive Heads fl-Awtorità tad-Djar u li l-Ministru Michael Farrugia ma jridx jiżvela l-ismijiet tagħhom, diġà hi dikjarata li se tkun hi Deputat Kap Eżekuttiv Ewlieni (Deputat CEO) tal-Awtorità minkejja li l-proċess ta’ sejħa li ħarġet għal din il-kariga għolja fl-Awtorità, għadu mhux konkluż.

Wara li l-ħatra ta’ CEO fl-Awtorità tad-Djar saret mingħajr ebda sejħa u ngħatat fuq il-prassi li qed juża dan il-gvern li jaħtar persuni f’dawn il-karigi fuq il-mertu ta’ position of trust, ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici żvelat fil-Parlament dan l-aħħar każ tal-mistħija fil-mod kif qed titmexxa llum u taħt dan il-Gvern Laburista l-Awtorità tad-Djar.

Paula Mifsud Bonnici kkritikat lill-Ministru Michael Farrrugia li għal mistoqsija parlamentari sempliċi fil-11 ta’ Frar li għadda, biex jagħti informazzjoni tal-ismijiet tal-erba’ Executive Heads tal-Awtorità tad-Djar, wieġeb u qal biss x’inhuma l-karigi tagħhom.

Meta reġgħet ressqet l-istess domanda lill-istess Ministru biex jagħti l-ismijiet u l-kunjom ta’ dawn l-Executive Heads fl-Awtorità tad-Djar, il-Ministru wieġeb li ma jarax il-validità li l-ismijiet ikunu pubbliċi.

Fissret din it-tweġiba bħala assurda għax skont il-Ministru l-poplu li jħallas għal dawn il-pagi m’għandux ikun jaf b’din l-informazzjoni.

Staqsiet lil min qiegħed jipproteġi l-Ministru Michael Farrugia u jekk hux qed jipproteġi lil xi Executive Head li għadha fuq probation iżda taf li diġà se tkun id-Deputat CEO tal-Awtorità tad-Djar.

Fissret li din il-persuna hi ħabiba kbira tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Persuna li sal-lum għadha Executive Head fl-Awtorità, iżda jekk tidħol fil-global list tal-Gvern fuq l-internet, u wieħed ifittex isimha, isem din il-persuna jitla’ bħala Deputat CEO tal-Awtorità.

Sejħet dan il-każ bħala mill-aktar tal-mistħija meta persuna għadha fuq perjodu ta’ probation f’kariga għolja ta’ Executive Head, tapplika għal Deputat CEO, u isimha diġà jitla’ f’dan l-address book tal-Gvern f’kariga li għadha ma ħaditx u ma tħabbritx.

Ix-Shadow Minister appellat li l-aħjar prattiċi dejjem kienu u jibqgħu li jinħarġu sejħiet pubbliċi kif kienet il-prattika fl-amministrazzjonijiet preċedenti. Iżda dan hu Gvern illum li jneħħi lil min irid hu u jaħtar lil min irid hu fuq il-mertu ta’ position of trust.

Staqsiet kif dan il-Gvern jista’ jitwemmen meta jitkellem fuq trasparenza u meritokrazija għax dan hu gvern ta’ ħabi, manuvri, preferenzi u partiġjaniżmu.

Talbet ukoll lill-Ministru f’mistoqsija oħra, jelenka t-23 sejħa interna li ħarġet fl-Awtorità tad-Djar, bil-Ministru jwieġeb li r-risposta tingħata f’seduta oħra meta qalet li kulħadd jaf min huma l-magħżula, u li anke hi għandha lista bi 23 isem.

Paula Mifsud Bonnici qalet li hu dan il-mod li bih il-Gvern qed jaħbi l-informazzjoni biex ma jiġix skrutinat l-operat tiegħu.

Ikkritkat ukoll lill-Gvern li ma ħareġ ebda skema ġdida għas-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u għadu biss iħaddem dawk li sab mill-amministrazzjoni preċedenti. Gvern mingħajr ideat u viżjoni għall-qasam tad-djar soċjali, u ta’ dan il-Gvern għandu għal xiex jistħi.

L-uniku deċiżjoni li ħa dan il-Gvern kienet dik li jgħolli l-kera lil min hu bl-akkomodazzjoni soċjali.