…Imħallef jibda jisma’ il-mandat dwar l-irkant tal-armi
L-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija mhux jaqblu dwar jekk l-irkant tal-armi li twaqqaf b’mod temporanju hux fil-fatt irkant wieħed jew erba’ irkanti. Quddiem l-Imħallef Joseph Zammit McKeon, iż-żewġ naħat għamlu t-trattazzjonijiet tagħhom dwar il-mandat ta’ inibizzjoni li l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ressqet fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għax il-pulizija ma kienux se jitħallew jieħdu sehem fl-irkant.
Fost il-punti legali li tqajjmu kien hemm dik fejn waqt li l-Avukat Victoria Buttigieg, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, sostniet li kienu se jsiru erba’ irkanti, l-Avukat Robert Abela f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija nsista li dan kien irkant wieħed.
Iż-żewġ naħat lanqas ma qablu fuq jekk il-liġi tippermettix lill-uffiċjali pubbliċi jieħdu sehem fl-irkant bl-Avukat Abela jgħid li kieku jiġu esklużi l-kriminali jifhimha imma li anke mħallfin u maġistrati ma setgħux jieħdu sehem le.
L-Avukat John Bonello, li qed jidher f’isem l-irkantatur Pierre Grech Pillow, irrimarka li l-klijent tiegħu ma kellux għaliex jiddaħħal fil-mandat ta’ inibizzjoni għax huwa sempliċiment tqabbad mill-Kummissarju tal-Pulizija biex imexxi l-irkant.
Wara li sema x’kellhom xi jgħidu n-naħat involuti, l-Imħallef Zammit McKeon nformahom li meta jiddeċiedi dwar din it-talba kien se jinfurmahom. F’dan l-irkant kellhom jiġu irkantati madwar 700 arma li jew kienu jintużaw mill-pulizija matul is-snin inkella ġew konfiskati kif ukoll vetturi wżati mill-pulizija fosthom il-karozza tal-mejtin.
//= $special ?>