Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Maġġoranza Nazzjonalista għamlet id-differenza f’Għajnsielem

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ilbieraħ għamel żjara f’Għajnsielem Għawdex, fejn iltaqa’ mat-tmexxija tal-Kunsill Lokali mmexxi mis-Sindku Francis Cauchi. F’din il-lokalità, Simon Busuttil żar ukoll xi ħwienet u ltaqa’ man-nies tal-lokal.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mis-Sindku Francis Cauchi u diversi Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-11 ta’ April, fejn żar ukoll diversi proġetti li lesta l-Kunsill Lokali u oħrajn li għadu għaddej ix-xogħol fuqhom. Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said u d-Deputat Frederick Azzopardi.

Fost il-proġetti li żar Simon Busuttil f’Għajnsielem kien hemm il-proġett tal-Belvedere ta’ Triq il-Ħamri, li se jkun inawgurat fit-22 ta’ dan ix-xahar. Żar ukoll ix-xogħol li sar fil-Pjazza tad-Dehra, fejn wieħed isib dik li kienet l-Għajn tal-Ħasselin li wkoll ġiet irrestawrata mill-Kunsill Lokali. Is-Sindku Francis Cauchi spjega kif waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq is-sit, instabet ukoll l-Għajn oriġinali tal-Ħasselin, li eventwalment ġiet irrestawrata wkoll.

Fil-futur qrib, il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem mistenni jkompli x-xogħol fuq il-Pjazza tad-Dehra, partikolarment il-monument li jiddeskrivi kif il-lokalità ta’ Għajnsielem tiċċelebra l-Festa tal-Madonna ta’ Loreto. Proġett ieħor hu dak tal-bandli Amabile Cauchi, li wkoll ġie rranġat biex ikun jista’ jitgawda mill-familji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lis-Sindku u lill-Kandidati għall-Kunsill ta’ Għajnsielem talli b’tant dedikazzjoni jaħdmu biex il-lokalità tkun attrazzjoni u waħda mill-isbaħ li tista’ tkompli titgawda mir-residenti. Wara li żar il-proġetti kollha li wettaq u oħrajn li fuqhom qed jaħdem il-Kunsill Lokali, il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jiltaqa’ wkoll man-nies tal-lokalità.