Is-sewwieq tal-McLaren Kevin Magnussen qal li jinsab ferm ħerqan biex isuq fl-ewwel Grand Prix tal-istaġun li se jsir fil-15 ta’ Marzu fl-Awstralja. Magnussen se jkun qed isuq minflok is-sewwieq Fernando Alonso. Dan tal-aħħar mhux se jsuq f’Melbourne fuq parir tat-tobba wara li qalulu ma jieħux sehem wara li sofra ġrieħi f’rasu meta fit-22 ta’ Frar fl-aħħar jum ta’ provi f’Barċellona kellu inċident li minħabba fih kellu jagħmel tlett ijiem l-isptar.
“Dispjaċut ħafna b’dak li ġralu Alonso u fl-istess ħin ħerqan u eċċitat biex intellaq fl-Awstralja. Se tkun tellieqa diffiċli għalija għax il-pjan kien li jsuqu Button u Alonso u jien se nkun qed nipprova nimla l-post vakant fl-aħħar ġranet imma xorta waħda se nagħti l-massimu tiegħi,” qal Magnussen.
Ta min jiftakar li sena ilu, l-istess Magnussen kien issorprenda lil kulħadd u fl-Awstralja spiċċa fit-tieni post wara Nico Rosberg filwaqt li fit-tielet post kien daħal Jenson Button.
Intant, rapporti f’ġurnal Spanjol qed jgħidu li Alonso tilef 20 sena mill-memorja u hekk kif qam l-isptar wara l-inċident ħaseb li kien għadu qed jgħix fis-sena 1995.
Dejjem skont dawn ir-rapporti, meta qam Alonso qal lit-tobba li hu jismu Fernando u li jsuq il-go karts u l-ħolma tiegħu hi li xi darba jikkompeti fil-Formula 1. Il-ġurnal ‘El Pais’ qal li Alonso nesa totalment id-debutt tiegħu fil-Formula 1 mal-Minardi fl-2001 u nesa wkoll meta fl-2005 u fl-2006 kien saħanistra rebaħ it-titlu mondjali. Fl-1995 Alonso kien għad kellu 13-il sena u kien joqgħod fil-belt ta’ Oviedo fit-tramuntana ta’ Spanja.
//= $special ?>