Lokali Qorti

Sidien ta’ pompa tal-petrol mhux ħatja fuq kubrit żejjed fid-diesel

Seba’ persuni li huma s-sidien ta’ pompa tal-petrol fiż-Żurrieq ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona li fid-dijżil li biegħu kellhom livell ta’ kubrit iktar milli stipulat bil-liġi. Is-sidien huma Gianni Camilleri u Frangiska Bellizzi, t-tnejn ta’ 68 sena, Wigi Camilleri ta’ 76 sena, Emanuele Camilleri ta’ 79, Angela Zammit ta’ 80, Marija Caruana ta’ 24 sena u Edward Camilleri ta’ 47 sena.

Huma ma nstabux ħatja li fit-8 ta’ Ottubru 2009 biegħu dijżil mhux konformi mal-liġi mill-Gaetano Camilleri Service Station.
Is-seba’ sidien qalu li l-pompa tal-petrol ilha għand il-familja tagħhom għal dawn l-aħħar 60 sena u qalu li l-fjuwil dejjem kienu jordnawh mill-Enemalta.

Fil-kawża rriżulta li l-kumpanija li tqabbdet mill-Enemalta biex tara jekk id-dijżil kienx konformi mal-liġi naqset li tippriserva l-kampjuni u l-Maġistrat Micallef Trigona rrimarka li mingħajr din il-prova ma setax isib lill-akkużati ħatja u kien għalhekk li illiberahom mill-akkuża miġjuba kontrihom.

Fil-Qorti ħareġ li l-Awtorita’ tar-Riżorsi Maltija kienet ħadet żewġ kampjuni mill-pompa tal-petrol fit-28 ta’ Settembru tal-2009, u f’dawn instab livell għoli ta’ kubrit. Aktar kampjuni ttieħdu fis-7 ta’ Ottubru ta’ l-istess sena, fejn tlieta minn erba’ kampjuni rriżultaw li kienu kisru r-regolamenti ta’ kubrit f’livelli għolja.

Madankollu, rriżulta li l-kumpanija kkuntrattat lill-istess Awtorita’ biex jiġu annaliżżati aktar kampjuni u dan fis-sena 2009. Dawn iżda ma kienux ġew preservati kif suppost u li l-espert tal-Qorti ma setax jannaliżża l-kampjuni b’mod indipendenti. Uħud mill-kampjuni kellhom it-tapp imkisser u għalhekk dawn setgħu ġew imbagħabsa qabel ma waslu għand l-espert tal-Qorti. Is-sidien kienu lliberati minħabba nuqqas ta’ provi. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina filwaqt li għas-sidien tal-pompa deheru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Muscat.