Tfajla ta’ 24 sena mir-Repubblika Ċeka kienet ikkundannata tmien snin ħabs u mmultata €20,000 wara li ddeċidiet li tammetti flok tgħaddi ġuri quddiem l-Imħallef Michael Mallia wara li fis-sajf ta’ sentejn ilu mportat 900 gramma kokaina f’Malta billi, daħħlitha kemm fil-parti ġenitali u li stonku tagħha.
Lucie Azuka, ammettiet mal-Pulizija li kien hemm żewġ okkażjonijiet oħra li fihom daħħlet id-droga f’pajjiżna imma ma nqabditx. Fit-13 ta’ Lulju 2013 li t-tfajla kienet imwaqqfa mill-uffiċjali tad-Dwana wara li kienet għadha kemm tasal Malta fuq titjira tar-Ryanair mill-belt kapitali ta’ Spanja, Madrid.
L-uffiċjali nfurmaw lill-Pulizija u minn tfittxija li saret fuq it-tfajla nstabu droga fi ħwejjiġha, ġol-istonku tagħha u anke f’kondom fil-parti ġenitali. Hija mill-ewwel kienet ittieħdet l-Isptar Mater Dei fejn wara li tteħdilha X-ray saritilha operazzjoni żgħira li permezz tagħha tneħħewlha l-kapsoli li kien hemm fl-istonku.
B’kollox instabu fuqha 73 kapsola li b’kollox kien fihom 901 gramma kokaina li kellha purità ta’ 45 fil-mija u li fit-triq kienet iġġib is-somma ta’ €57,513. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li t-tfajla kien waslet fi ftehim biex timporta d-droga f’Malta li meta tasal Malta hija tgħaddiha lil żewġt irġiel, Malti u Niġerjan.
It-tfajla qalet ukoll lill-Pulizija li kien hemm żewġ okkażjonijiet oħra fejn daħħlet id-droga kokaina mingħajr ma qabduha, darba f’Diċembru 2012 fejn daħħlet 70 kapsola u darb’oħra f’Lulju 2013 fejn daħħlet 72 kapsola oħra. Ammettiet ukoll li fiż-żewġ okkażjonijiet daħħlet ukoll 200 gramma kokaina f’kondom. Dwar dan hija qalet li kienet imħallsa flus tajjeb fuq dawn l-operazzjonijiet. It-tfajla Ċeka ammettiet l-akkużi kollha ta’ pussess, assoċjazzjoni u traffikar tal-kokaina u kienet ikkundannata tmien snin ħabs u €20,000.
//= $special ?>