Tfajla Rumena ta’ 24 sena li ġiet diversi drabi f’Malta biex tiżfen fil-klabbs ma nstabitx ħatja li impurtat id-droga f’dawn il-Gżejjer għax irriżulta li kien is-sieħeb tagħha li ordnaha minn fuq l-internet u li hija ma kinietx taf x’fih il-pakkett meta Pulizija liebes ta’ Pustier ħadulha fid-dar tas-sieħeb fejn fetħitlu hi.
Ana-Maria Beatrice Ciocanel ma nstabitx ħatja li fil-5 ta’ Marzu 2011 u fix-xhur ta’ qabel impurtat id-droga mephedrone, li ftehmet ma’ persuni oħra biex timpurtaha, li kellha fil-pussess tagħha l-imsemmija droga u li ittraffikatha.
Magħha kien tressaq is-sieħeb tagħha Rodney Andrew Molt, Amerikan li llum għandu 28 sena u li kien Malta bħala impjegat tal-Ambaxxata Amerikana. Molt qed jiskonta sentenza ta’ sitt snin ħabs wara li qabel kellu jibda għaddej ġuri ammetta li kien hu li mporta d-droga kif ukoll li kellu l-istess droga flimkien mal-ecstasy u l-kokaina.
Quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman, Molt ammetta li t-tfajla li minnu għandha żewġt itfal, ma kienet taf xejn dwar x’fih il-pakkett u ikkonferma li kien hu li għamel l-ordni għalkemm insista li l-mephedrone kienet sustanza legali li tintuża biex tagħtik l-enerġija simili għall-kafeina.
Min-naħa t-tfajla tat xiehda differenti mill-verżjoni li kienet tat fl-istqarrija fejn waqt li meta kienet arrestata mill-Pulizija qaltilhom li kienet tbiegħ l-mephedrone lil tfajliet mir-Rumanija. Fil-pedana tax-xiehda ċaħdet dan u qalet li fl-istqarrija kienet tat verżjoni differenti biex tgħin lil Molt.
Hija ċaħdet li ordnat xi sustanzi minn fuq l-internet għax sostniet li l-istess sustanzi setgħet tixtrihom minn kull ħanut fir-Rumanija u fl-Iskozja fejn kienet tmur taħdem u sostniet li saret taf x’kien fih il-pakkett mill-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Pierre Grech – li mexxa l-prosekuzzjoni – qal li wara li uffiċjali tad-Dwana interċettaw pakket li kien ġej minn Praga, fir-Repubblika Ċeka, suspettat li kien fih droga, wieħed mill-Pulizija għamilha ta’ pustier u mar jagħti fir-residenza fejn kien qed joqgħod Molt biex iwassal il-pakkett.
Huwa żied li fl-appartament instabu wkoll droga oħra u semma kif fl-istqarrija Ciocanel ammettiet li kienet tieħu drogi imma legali biex teħodhom ħalli tkun tista’ ddum tiżfen u li stqarret li kien Molt li ordna l-pakkett.
Wara li semgħet ix-xhieda kollha -Maġistrat Miriam Hayman irrimarkat li l-pakkett kien indirizzat għal Molt u huwa stess ammetta li d-droga kienet għalih u li l-akkużata ma kinietx taf bih. Hija żiedet li mkien ma rriżulta li t-tfajla Rumena impurtat l-mephedrone jew il-kokaina jew offriet li tbiegħhom u lanqas ma rriżulta li kienet involuta fl-ecstasy għax id-droga li nstabet fl-appartament kienu steroids.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Hayman illiberat lil Ciocanel minn kull akkuża li nġiebet kontriha f’dan il-każ li fih it-tfajla kienet assistita mill-Avukat Roberto Montalto.
//= $special ?>