Kurżitajiet

Ċirklu Amerikan se jwaqqaf l-ispettaklu bl-iljunfanti

Waħda mill-akbar kumpanniji taċ-ċirklu fl-Istati Uniti se twarrab, bil-mod il-mod, l-ispettaklu bl-iljunfanti matul ix-‘shows’ popolari tagħha.

Fil-fatt, kelliema għal The Ringling Brothers and Barnum & Bailey Circus qalu li l-kumpannija qed tippjana biex tieqaf kompletament mill-użu tal-iljunfanti sal-2018.

L-istess kelliema qalu li d-deċiżjoni tirrifletti t-tħassib tal-pubbliku dwar it-trattament ta’ dawn l-annimali. Intant, hu ippjanat biex it-43 iljunfant attwali tal-kumpannija, ‘il quddiem, jgħixu ġo ċentru għall-konservazzjoni tal-annimali fi Florida.

L-attivisti favur id-drittijiet tal-annimali ilhom is-snin jipprotestaw dwar l-użu tal-iljunfanti waqt l-ispettakli u l-wirjiet sinonimi maċ-ċirklu.

Fis-snin riċenti, numru ta’ bliet anki għaddew il-liġijiet li jipprojbixxu l-użu tal-iljunfanti għal skopijiet ta’ divertiment, bil-kelliema għall-kumpannija tar-Ringling Brothers jikkonfermaw li dan kien qed jikkomplika t-tours taċ-ċirklu.