Kompliet ix-xejra pożittiva fis-swieq finanzjarji madwar id-dinja. Kważi kull indiċi finanzjarju mill-Amerika għall-Ewropa, rajna żidiet fil-prezzijiet tal-ishma. Id-Dollaru Amerikan u dak Awstraljan komplew jissaħħu, filwaqt li l-ewro kompla jiddgħajjef. Bl-ewro dgħajjef, kumpaniji Ewropej qed isibuha eħfef biex jesportaw.
Dan qed iwassal għal aktar bejgħ u aktar profitti fl-Ewropa. Il-prezzijiet baxxi tal-fuel u l-enerġija qed ikomplu jgħinu, speċjalment fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, biex il-fabbriki jipproduċu aktar u b’hekk aktar profitti jwasslu għal żieda fil-valur tal-ishma tal-istess kumpaniji.
Fi Franza wkoll rajna żieda fl-indiċi finanzjarju. Il-kumpanija L’Oreal rat żieda ta’ 20% fil-valur tal-ishma fl-aħħar xhur. Minn Jannar s’issa, l-ishma ta’ Renault raw 40% żieda fil-valur. Dan il-fenomenu konna ilna ma narawh ħafna snin. L-Airbus, li kienet tilfet 25% fil-valur matul l-2014, irkuprat dan kollu fl-aħħar xahrejn.
Il-kumpanija Deutshe Post, li tmexxi d-DHL Express, se tinvesti €85 miljun f’Singapore biex tkabbar il-preżenza tagħha f’dan ir-reġjun. Kumpanija Ċiniża xtrat 5% tal-ishma ta’ Thomas Cook. BMW qed ibigħu aktar karozzi u dan wassal biex l-ishma raw żieda ta’ 20% fl-aħħar tliet xhur. Wara t-Tazza tad-Dinja tal-football, l-ishma ta’ Adidas kienu tilfu 20% fil-valur, iżda dan ġie rkuprat kollu fl-aħħar tliet xhur.
Iż-żejt baqa’ irħis
Il-prezz taż-żejt, li għal madwar sitt snin kien madwar $100 dollaru kull barmil, issa ilu aktar minn erba’ xhur madwar $50 dollaru kull barmil. Diversi analisti qalu li l-prezz se jistabilizza ruħu f’dan il-livell u ma jidhirx li se jitla’ malajr. Minn dan kollu qed igawdu bosta konsumaturi madwar id-dinja, li raw il-kontijiet tal-enerġija u l-fuels jonqsu drastikament.
L-ishma ta’ Volkswagen jissaħħu ferm
Minn Novembru sal-lum, l-ishma ta’ Volkswagen żdiedu bi kważi 50% fil-valur. Dawn telgħu minn €150 għal €223 kull sehem. Fl-aħħar jiem, kien hemm artikli li qalu li din il-kumpanija Ġermaniża se tinvesti $1 biljun fil-Messiku biex tkabbar waħda mill-fabbriki.
Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.