Hemm bejn 500,000 u miljun immigrant li huma lesti li jħallu l-kosta tal-Libja. Din hi l-istima ta’ direttur tal-Frontex li f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet Ansa qal li l-Ewropa trid tqis ir-riskji marbuta mat-traffikar tal-immigranti jekk dawn qed jiġu sfruttati mill-Istat Iżlamiku.
Fabrice Leggeri qal li din is-sena l-Ewropa trid tkun lesta li taffronta sitwazzjoni iktar diffiċli mis-sena li għaddiet waqt li spjega li wieħed irid ikun konxju mir-riskji li jippreżentaw it-terroristi tal-Istat Iżlamiku.
Filwaqt li tenna li s’issa għad m’għandux provi f’idejh biex jgħid li s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni illegali hi taħt il-kontroll tal-ISIS, qal li jeħtieġ li l-pajjiżi joqgħodu attenti għax hemm il-possibiltà li fosthom ikun hemm it-terroristi, “jekk mhux issa, fil-futur”.
Id-direttur ta’ Frontex qal li jekk wieħed irid li l-Frontex taħdem iktar, teħtieġ iktar riżorsi u ħaddiema u impenn ikbar mill-istati membri li jisilfu l-mezzi tagħhom. Leggeri qal li Frontex weħidha ftit li xejn tista’ tagħmel biex taffronta din il-problema enormi waqt li appella għall-koperazzjoni minn pajjiżi barra l-UE.
//= $special ?>